Friday, November 15, 2024

Tirritorna n-Nickelodeon Treasure Hunt Malta fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

Il-familji Maltin u Għawdxin, kif ukoll it-turisti, se jkollhom l-opportunità li jsegwu l-passi ta’ wħud mill-aktar karattri popolari fid-dinja tal-istazzjon televiżiv Nickelodeon nhar it-28 u d-29 ta’ Mejju li ġej fil-Belt Valletta.

Dawn il-jiem ta’ attivitajiet ser jinkludu varjetà ta’ attrazzjonijiet li jibdew minn Pjazza Tritoni u jibqgħu sejrin sa Pjazza San Ġorġ.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia.

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li Malta trid tkompli tkun minn ta’ quddiem biex toffri għażla vasta ta’ esperjenzi pożittivi għat-turisti li jiġu jżuruna.

“Attivitajiet bħal Nickelodeon Treasure Hunt Malta huma ta’ kontribut biex nattiraw niċċa bħal dik tal-family tourism. Din tippermetilna nindirizzaw l-istaġjonalità turistiku sabiex bħala pajjiż dejjem ikollha viżibilità promozzjonali mhux biss fix-xhur tas-sajf imma matul is-sena kollha,” kompla jgħid il-Ministru Bartolo.

Il-Ministru Clayton Bartolo waqt konferenza tal-aħbarijiet. Ritratt: Clodagh O’Neill

Huwa elenka li meta jkollok pajjiż li jassoċja lilu nnifsu ma’ ażjenda mondjali bħal Nickelodeon huwa pass fid-direzzjoni t-tajba biex il-prodott turistiku tagħna jkompli jikber fil-kwalità tiegħu.

Il-Ministru Clayton Bartolo temm jgħid li “Dan kollu huwa pass importanti biex ‘Prodott Malta’ jibqa’ jiġġedded u fuq kollox jibqa’ kompettitiv. L-għan tagħna jibqa’ li Malta tkun kalamita ta’ attivitajiet internazzjonali li jattiraw kull faxxa tas-soċjetà Maltija u anke dik turistika”.

Intant, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia tenna l-impenn tal-Awtorità biex Malta tkun ċentru ta’ kwalità għal kull min jiġi jżurha.

Ekonomija

Sport