Il-Ministru tas-Saħħa Portugiża rriżenjat wara rapporti li turista tqila kienet mietet waqt li kienet qiegħda tiġi trasferita minn sptar għall-ieħor f’Lisbona minħabba li s-sala tal-maternità fejn iddaħħlet l-ewwel kienet mimlija.
It-turista, mara Indjana ta’ 34 sena, allegatament sofriet minn ‘cardiac arrest’. Dan isegwi sensiela ta’ inċidenti oħra dan is-sajf, bil-kritiċi qed jitfgħu l-ħtija fuq in-nuqqas ta’ staff fit-taqsimiet tat-twelid madwar il-pajjiż.
Dr Marta Temido kienet ilha tokkupa l-kariga ta’ Ministru tas-Saħħa mill-2018. Matul il-jum tat-Tlieta, il-Gvern qal fi stqarrija li Dr Temido kienet “indunat li m’għadx kellha l-kundizzjonijiet biex tibqa’ fil-kariga.”
Il-midja lokali qiegħda tirrapporta li t-turista tqila mietet waqt li kienet qed titmexxa mill-Isptar Santa Marija ta’ Lisbona, l-akbar wieħed fil-Portugall – minħabba li t-taqsima tan-neonatoloġija tagħha kienet mimlija.
L-aworitajiet qalu li t-tarbija tagħha twieldet f’saħħa tajba wara ċesarja ta’ emerġenza. B’rabta mal-mewt tal-mara nbdiet ukoll investigazzjoni.