Sunday, December 22, 2024

Tisbiħ fi spazju rikreattiv għall-familja kollha fil-Birgu

Aqra wkoll

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu għamel xogħol ta’ titjib u tisbiħ fi spazju rikreattiv fi Triq San Dwardu. Dan sar b’investiment ta’ ftit aktar minn €40,000 permezz tal-iskema ‘Finanzjament għall-Iżvilupp u Titjib fil-kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-Lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex’.

Din l-iskema ġiet varata fl-2022 mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. L-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li l-kunsilli lokali jkomplu jsostnu l-importanza tal-isport u tar-rikreazzjoni, li huma żewġ fatturi importanti li jikkontribwixxu għall-kwalità tal-ħajja, is-saħħa u l-ħarsien tal-individwu. Spazji rikreattivi fil-qalba tal-lokalitajiet huma riżorsa importanti li jippermettu u jħeġġu dawn il-fatturi.

Waqt żjara f’dan l-ispazju rikreattiv, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn u d-dedikazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Birgu favur dan il-proġett. Hija qalet li l-kunsilli lokali jafu l-aħjar il-bżonnijiet tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom u huwa għal dan l-għan li l-gvern jibqa’ jagħti r-riżorsi meħtieġa f’idejn il-kunsilli lokali.

“Permezz ta’ proġetti bħal dawn fil-qalba tal-lokalitajiet, il-kunsilli lokali qed jikkumplimentaw u isostnu l-ħidma tal-gvern favur spazji rikreattivi ħodor u ambjent aħjar”, saħqet is-segretarju parlamentari.

Dan il-proġett kien jikkonsisti minn tapit tal-lakstu madwar l-ispazju kollu u mhux taħt it-tagħmir tal-bandli biss, grada fid-daħla tal-bandli u CCTV kameras għal aktar sigurtà.

Saret ukoll sistema ġdida ta’ dawl u twaħħlu arbli u bozoz ġodda. Il-kunsill lokali xtara apparat apposta għaż-żamma u għall-indafa tal-post. Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Birgu John Boxall qal li permezz ta’ dawn il-fondi addizzjonali, il-kunsill lokali seta’ jkompli jinvesti favur aktar sigurtà u aċċessibbiltà u fiż-żamma u fil-manutenzjoni ta’ dan l-ispazju rikreattiv.

Ekonomija

Sport