Wednesday, July 24, 2024

TISĦIĦ FID-DRITTIJIET TAL-ĦADDIEMA

Aqra wkoll

Il-Gvern kompla għaddej bil-programm ta’ ħidma tiegħu li joħroġ mill-manifest elettorali Malta Flimkien. Waħda mill-miżuri ewlenin li se nkunu qed naraw il-frott tagħha, li kienet ukoll imwiegħda f’dan il-manifest, hi dik li l-prinċipju tal-“Equal Pay for Work of Equal Value” se jkun estiż għall-privat.

It-tħabbira ta’ din il-miżura saret ilbieraħ mill-Prim Ministru Robert Abela li fisser ħidmet il-Gvern bħala waħda li tkompli timbotta riformi u bidliet li jagħtu s-saħħa lill-ħaddiem. B’din il-bidla, li se tfisser li ħaddiem tal-kuntrattur u ħaddiem impjegat dirett fuq post tax-xogħol jitħallsu indaqs għall-istess valur tax-xogħol, se jkomplu jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema.

Għandna għax nifhmu li biex wasalna s’hawn, saru diskussjonijiet fit-tul mhux biss mal-korpi kostitwiti imma wkoll mal-operaturi nfushom fosthom dawk fil-manifattura, fis-settur tat-turiżmu u n-negozji żgħar u medji. Dan minnu nnifsu juri kemm b’rieda tajba mill-partijiet kollha, u anke bi djalogu soċjali b’saħħtu, jistgħu jinkisbu riżultati pożittivi li fl-aħħar mill-aħħar se jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema u l-familji tagħhom.

B’sodisfazzjon ninnotaw ukoll li kien hemm diversi kumpaniji li ma qagħdux jistennew l-avviż legali iżda l-bidliet li kellhom jagħmlu, implimentawhom minn jeddhom u fil-prattika. Għalhekk nemmnu li din hija bidla oħra pożittiva li se tagħti drittijiet aktar b’saħħithom lill-ħaddiema.

Anke l-General Workers’ Union kienet fuq ta’ quddiem biex timbotta ‘l quddiem dan il-prinċipju. Il-GWU kienet qajmet din il-kwistjoni, meta organizzazzjonijiet tax-xogħol bdew jużaw is-servizz tal-ħaddiema tal-kuntrattur.

Dan kien qed iwassal għal disparità fil-pagi u l-kundizzjonijiet ta’ ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol bil-konsegwenza li kien qed iwassal għal nuqqas ta’ motivazzjoni u dwejjaq fost dawn il-ħaddiema.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja nnifsu kien qal li; “Din hija kwistjoni li ilna żmien niġġieldu għaliha. Il-GWU kienet proprju l-ewwel unjin li qajmet din il-kwistjoni u bqajna ninsistu dejjem fuqha. Aħna nemmnu u nisħqu li kull ħaddiem għandu jkun trattat l-istess għax huwa l-valur tax-xogħol li jiddetta l-ħlas u mhux ma’ min taħdem.”

Il-GWU qatt ma waqfet tisħaq fuq il-prinċipju ta’ paga ugwali għal impjiegi ta’ valur ugwali f’kull post tax-xogħol. Dan huwa pedament ta’ ġustizzja soċjali, għall-ħaddiema kollha, kemm jekk ħaddiema tal-kuntrattur jew jaħdmu direttament ma’ min iħaddem.

Ekonomija

Sport