Saturday, December 21, 2024

Tislima lil Joe Camilleri – kollega u ħabib maħbub minn kulħadd

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fil-Bażilika tal-Mosta sar il-funeral ta’ eks impjegat tal-Union Press, Joe Camilleri. It-telfa ta’ Camilleri, li kien daħal mal-Union Print bħala apprentista fuq il-linotype u dam għal aktar minn 40 sena mal-kumpanija, inħasset bi kbir minn sħabu kollha li kienu jaħdmu miegħu.

Joe kien raġel ta’ qalb tajba u fil-Union Press kien maħbub minn kulħadd. Kwiet u prudenti dejjem, Joe kien jagħti dik it-tbissima minn taħt. Missieru kien ukoll impjegat fuq l-istess xogħol li daħal għalih Joe f’età żgħira.

Għall-quddiesa tal-funeral li attendew numru sabiħ ta’ nies biex jagħtu l-aħħar tislima lil Joe, l-Arċipriet tal-Mosta Fr Mark Spiteri, fakkru bħala raġel kwiet ħafna u bniedem tal-familja fejn kien jara li t-tfal ma kien jonqoshom xejn, inklużi n-neputijiet.

F’messaġġi fuq il-midja soċjali minn ħbieb ta’ Joe, jingħad li jiftakruh minn żmien meta l-versi għall-gazzetti kienu jinħadmu biċ-ċomb. “Nafu dejjem bħala raġel twajjeb, kalm, aktarx mistħi, imma mimli rispett. Ħabib leali, teżor rari u ta’ ftit kliem għax prudenti ma’ kulħadd. Kien kapaċi jkellmek b’ħarstu u bi tbissima ġenwina.”

Jingħad li Joe baqa’ bl-istess karattru anke meta mar jibni familja fil-Mosta u kemm kien persuna li jaf iżomm postu, jaf jirrispetta, jaf jiżen b’qalbu u li qatt ma kibritlu rasu. Kollega ieħor, Peter Bartolo, kiteb li, “ħalliena ħabib ieħor. Kbirna flimkien minkejja li ta’ età differenti. Dħakna u kellna dispjaċiri flimkien ukoll. Issa strieħ ħabib”. 

Kulħadd jaf kemm Joe kien persuna prudenti ħafna u bieżel fuq xogħlu. Kwiet f’postu kien jibqa’ għaddej bil-ħidma bla ma qatt igerger. Dejjem kien jagħmel dak mistenni minnu u bl-aħjar mod possibbli.

Joe żgur li qatt m’huwa se jintesa minn dawk kollha li kellhom ix-xorti li jsiru jafuh u dawk sħabu li qattgħu tant sigħat għal snin sħaħ jaħdmu flimkien biex iqassmu l-paġni tal-ġurnali L-ORIZZONT, IT-TORĊA u l-MALTAA NEWS.

Għal darb’oħra, nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-familjari ta’ Joe Camilleri.

Ekonomija

Sport