Lina Brockdorff twieldet l-Isla fil-21 ta’ Mejju, 1930. Hija waħda mill-kittieba nisa li l-aktar ilha tikteb kemm proża u poeżiji għal bosta snin.
Ħadet sehem fix-xandir billi kitbet u pproduċiet numru kbir ta’ programmi fuq ir-Rediffusion bejn is-snin Ħamsin u s-Sebgħin. Fost dawn il-programmi kien hemm “Ħlieqa Bejnietna,” programm ta’ parlour games; programmi għan-nisa bħal “Quddiem il-Mera,” “Nofs Siegħa Flimkien” u “Kwarta Flimkien”, “Magic in the Kitchen” u reċti qosra umoristiċi. Kienet l-ewwel kittieba li bdiet taddatta għar-radju xeni drammatizzati minn “Wenzu u Rożi” mill-ktieb ta’ Dr George Zammit. Kellha wkoll serje ta’ programmi “Inwieġbu lis-semmiegħa.”
Dan kien il-messaġġ li twassal fuq il-paġna ta’ Facebook: Ġmiel il-Pinna Maltija, fejn ġie spjegat li Brockdorff kitbet numru ta’ radjudrammi fosthom “Il-Fqajjar t’Assisi,” radjudramm f’erba’ episodji li xxandar kemm fuq l-RTK (1990) kif ukoll fuq il-PBS (1999). Uħud mir-rumanzi tagħha nqraw ukoll fuq radjijiet hawn Malta u fl-Awstralja.
Għal bosta snin kitbet u pproduċiet il-programm letterarju tal-Għaqda Letterarja Maltija bl-isem “Mill-Ġnejna Maltija”.

