Thursday, November 14, 2024

Tispikka l-għaqda waqt il-President’s Solidarity Fun Run

Tittella’ b’suċċess edizzjoni oħra tal-President’s Solidarity Fun Run

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Inħossuna kuntenti li naraw il-poplu magħqud flimkien għaliex huwa poplu żgħir u s-saħħa tiegħu qiegħda fl-għaqda. Ma nistgħux inħallu diviżjonijiet jew firdiet bejnietna, imma naraw li kawżi bħal dawn iġibuna flimkien u nkunu poplu wieħed u magħqud. Din hija x-xewqa tiegħi.”

Iddikjara dan il-President ta’ Malta George Vella fi tmiem edizzjoni oħra tal-President’s Solidarity Fun Run li ttellgħet dalgħodu u kienet waħda ta’ suċċess billi attendew għaliha eluf ta’ persuni, ta’ kull età. Din l-attività bdiet minn erba’ postijiet differenti u ġiet fi tmiemha fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.

Fid-diskors tiegħu, il-President Vella rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi talli għal darba oħra kkonkorra bi ħġaru biex jgħin f’din il-kawża ġusta. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu li tara etajiet differenti ta’ nies li ġew mhux biex jieħdu imma biex jagħtu.

€15,000 f’donazzjoni lill-MCCFF mill-Fond għall-Kawżi Ġusti

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva din l-attività bħala ċelebrazzjoni sabiħa ta’ solidarjetà fl-ewwel Milied ta’ normalità sħiħa fi tliet snin. Qal li din is-solidarjetà tirrapreżenta l-valur tant b’saħħtu tal-poplu Malti – li naħsbu f’ħaddieħor li jista’ jkun għaddej mill-aktar mumenti ibsin f’ħajtu. 

“Hemm fejn joħroġ dan il-valur tant sabiħ tal-altruwiżmu, tal-ġenerożità u tas-solidarjetà – li npoġġu lil ħaddieħor qabilna nfusna. Dak hu l-valur li tħaddan il-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF) immexxija b’tant abilità mill-President George Vella u s-Sinjura tiegħu Miriam,” qal il-Prim Ministru.

Huwa enfasizza fuq l-importanza li din iċ-ċelebrazzjoni ma tkunx limitata biss għax-xahar ta’ Diċembru iżda li dan il-valur mhux biss tas-solidarjetà, iżda anke tar-rispett reċiproku jibqa’ tul is-sena kollha. 

“Jaf ikollna temi li nistgħu naqblu, jew nistgħu ma naqblux dwarhom. Jista’ jkollna fehmiet diverġenti imma ejja nibqgħu niddibattu b’rispett għaliex il-valur l-aktar b’saħħtu tal-poplu Malti huwa dak tal-għaqda nazzjonali.”

Dr Abela temm jgħid li bħala Gvern se jkunu qed jagħtu donazzjoni ta’ €15,000 mill-Fond għall-Kawżi Ġusti lill-MCCFF.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-poplu Malti huwa poplu li jaf iħobb, li qatt ma jagħlaq għajnejh lejn il-bżonnijiet ta’ dawk li għandhom bżonn. “Illum qed niċċelebraw lill-poplu Malti. Festa ta’ solidarjetà li permezz tagħha nneħħu d-differenzi kollha ta’ bejnietna biex inpoġġu fuq quddiem lil dawk li għandhom bżonn.”

Is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit qal li din hija l-ewwel Fun Run wara l-pandemija. Qal li kif konna id f’id ġew solvuti l-problemi waqt il-pandemija, hekk irridu nkunu anke mal-marid u dawk li għandhom bżonn il-kura.

Saru wkoll diskorsi mis-Sur Kevin Chircop f’isem l-Enemed bħala wieħed mill-isponsors ewlenin ta’ din l-attività u minn Mark Cutajar, iċ-Ċerpersin tal-Kumitat Organizzattiv tal-President’s Solidarity Fun Run, li rringrazzjaw lil kull min ipparteċipa jew għen biex din l-attività setgħet tkun ta’ suċċess.

Ekonomija

Sport