Friday, December 20, 2024

“Titfgħux ir-responsabbiltà fuq is-sistema edukattiva”

L-MUT b’reazzjoni qawwija għall-proposta li l-edukazzjoni tkun mandatorja sa’ 18-il sena

Anthea Cachia
Anthea Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta (MBC), ippreżentat lill-Gvern u l-Oppożizzjoni strateġija nazzjonali u dan skont hi bil-għan li ssaħħaħ il-ħaddiema Maltin. Waħda minn dawn kienet il-proposta li b’mod gradwali tkun estiża l-età mandatorja biex eventwalment minn 16-il sena, din titla’ għal 18-il sena. B’reazzjoni għal dan, il-Malta Union of Teachers (MUT) irribattiet lill-Kamra tal-Kummerċ  u qalet li minflok, għandha tindirizza n-nuqqasijiet ta’ ċertu membri tagħha aktar milli titfa’ r-responsabbiltà fuq is-sistema edukattiva, li hija lill hinn mill-kompetenza tagħhom. 

L-MUT insistiet li deċiżjonijiet bħal dawn, fejn titratta s-sistema edukattiva, ma jistgħux jittieħdu mill-Kamra tal-Kummerċ meta l-interess ewlieni tagħha huwa n-negozju. Tisħaq ukoll li s-sistema edukattiva qiegħda tbaxxi rasha wisq għall-interessi tan-negozji u li dan għandu jieqaf. 

“L-iskejjel m’humiex produtturi tal-ħaddiema, li jilħqu l-għanjiet tan-negozji. L-edukazzjoni hija esperjenza sħiħa pprovduta lill-individwi bil-għan li jilħqu l-pontenzjal tagħhom lil hinn minn ħtiġijiet għall-impjieg,” spjegat l-MUT. 

Sadanittant żiedet tgħid li l-influwenza tan-negozjanti fuq is-settur edukattiv qiegħed iwassal għal nuqqas ta’ stħarriġ lill-impjegati, li huwa ta’ bżonn  kbir attwalment, fis-settur tan-negozju. “In-negozji qiegħdin jonqsu milli jonoraw ir-responsabiltajiet tagħhom u jħarrġu ħaddiema ġodda, tant li jistennew li huma jiġu mħarrġa biss fl-etajiet mandatorji tal-iskola, mill-istituzzjonijiet edukattivi.” 

Fl-aħħar din il-unjin tal-edukaturi qalet li kien ikun aħjar li kieku l-MBC tara qabel xejn kif ċertu negozji qegħdin jinfluwenzaw studenti żgħażagħ milli jieqfu mill-iskola wara ftit snin ta’ edukazzjoni f’istituzzjonijiet post-sekondarji. Tisħaq li dan jagħmluh billi jattiraw l-istudent b’paga impressjonanti, iżda jispiċċaw bla ebda kwalifiki.   

Iżda fl-aħħar minn l-aħħar, x’jaħsbu l-istudenti, il-ġenerazzjoni li jmiss minn din il-proposta? Dan is-sit tkellem ma’ numru ta’ studenti fejn ġew mistoqsija jekk jaqblux u għaliex.

Żgħażagħ fi bżonn ta’ indipendenza finanzjarja

“Jiena bħala tfajla li komplejt bl-istudji tiegħi, wara li tlaqt mill-bank tal-iskola sekondarja, naf b’mod dirett li ma’ kull sena li tgħaddi, l-iskola ġġib magħha aktar sfidi. Iżda għalija dan kollhu huwa parti żgħira biss mill-vjaġġ biex nilħaq il-miri personali tiegħi. Minkejja dan nemmen bi sħiħ li mhux kulħadd huwa lest li jagħmel dan il-pass diffiċli, mhux kulħadd huwa lest li jitfa’ l-istudju fuq pedestall u jkun qabel kollox u kulħadd għal kważi 20 sena minn ħajtu. 

Wisq aktar minn hekk, mhux kulħadd għandu l-għażla u l-libertà li jkompli jistudja bħalma kelli jien. Filwaqt li aktar kemm persuna jkollha taħriġ  aktar  aħjar, ma nistgħux ninjoraw kompletament realtajiet oħra ta’ żgħażagħ li għandhom bżonn indpendenza finanzjarja. Mhux kulħadd kien ixxurtjat li jsib lil ġenituri ‘imantnuhom’ finanzjarjament filwaqt li qiegħdin jistudjaw. Ejjew ma ninsewx kemm hija sfida li taħdem u tistudja full-time fl-istess waqt. 

Min-naħa l-oħra, hemm dawk li l-ħiliet tagħhom huma differenti. Għaliex għandi ngħaddi snin nistudja l-matematika, meta l-familja tiegħi għandha negozju li jien ilhom irawmu fijja minn mindu kont tarbija? Il-verità hija li minkejja li l-iskola għandha l-vantaġġi, li wieħed jisforza u jiddetta lil żgħażagħ ta’ 16-il sena, votanti Maltin, jibqgħu taħt l-idejn tas-sistema antikwata edukattiva hija waħda perikoluża u jaf tagħmel aktar ħsara milli ġid. Fuq kollox x’inhu l-iskop wara din il-proposta? Huwa propju l-benesseri u fl-aħjar interessi tal-istudent?” 

Nemendaw is-sistema u mhux l-età mandatorja

“Li wieħed ikollu livell għoli ta’ edukazzjoni tgħin mhux biss lill-istudent innifsu iżda anke lis-soċjetà b’mod ġenerali. Madankollu jiena nemmen li biex ninkoraġixxu student biex ikompli jistudja, mhux nemendaw l-età mandatojra iżda s-sistema innfisha u li tkun imfassla għall-bżonnijiet tal-istudent u mhux biex taqdi s-sistema eżistenti. 

Eżempju ċar ta’ dan huwa li jekk ikollok student f’livell sekondarju, li tul is-snin ta’ studju (f’dal każ mandatorju) juri li mhuwiex jibrilla, iżda kif jgħid il-Malti, “li jara b’għajnejh jagħmlu b’idejh”, is-snin tal-O’levels u l-A’levels ikunu snin li dan mhux se jikber, iżda jara l-edukazzjoni bħala xkiel għall-futur tiegħu.”

L-istudju għandu jkun għażla

“Jiena ma naqbilx mal-proposta għax mhux kulħadd jeċċella fl-istess affarjiet u jekk din se ssir mandatorja, għandek aktar ċans li tikkawża problemi ta’ saħħa mentali, għax ikunu qiegħdin jagħmlu xi ħaġa li ma jixtiqux jew li mhux tajbin fiha. 

Jien tal-opinjoni li għandu jkun hemm ftuħ għal tgħallim ta’ setturi varji. Malta anke biex issir sempliċiment veterinarju, trid tagħmel snin tistudja barra minn xtutna u mhux kulħadd lest għal dak is-sagrifiċċju, li titlaq lill-familja ta’ età żgħira u li tagħmel snin waħdek tistudja ‘l bogħod minn darek. 

Jista’ jagħti l-każ ukoll li l-studenti jaf ma jkollhomx għażla li jkomplu fuq snajja’ u jkollna nuqqas, aktar milli digà hawn. L-istudju għandu jkun għażla għax aktar kemm timponi fuq il-persuna aktar ikollok studenti mhux kuntenti. Apparti minn hekk, jekk verament iridu jagħmluha ta’ bilfors, ma jgħallmux biss erba’ suġġetti iżda jagħtu aktar opportunitajiet ta’ studju u mhux tisforza lil kulħadd jistudja affarjiet li ma jridx.

Fl-aħħar minn l-aħħar mhux kulħadd jixtieq isir tabib u avukat, mhux kulħadd lest (jew kapaċi) jagħmel ħames snin kifrin jistudja biex isir għalliem. Biex teċċella fil-futur m’hemmx għalfejn ikollok id-degrees u ċ-ċertifikati, xorta tista’ tkun ta’ suċċess u din hemm provi tagħha għax uħud mill-aktar nies sinjuri fid-dinja lanqas għandhom ċertifikat skolastiku wieħed.” 

Kull bniedem għandu l-ħsibijiet u r-raġunijiet tiegħu

“L-iskola, bla dubju, hija importanti ħafna iżda ma nistgħux ninsew li kull bniedem għandu l-ħsibijiet u r-raġunijiet tiegħu kif jgħix ħajtu u għaliex. Huwa veru li dak li jkun meta jkun iżgħar forsi ma jaħsibx f’kollox u jaf ikun aktar moħħ ir-riħ, iżda fl-aħħar minn l-aħħar il-libertà u l-għażla tal-bniedem għandha tkun prijorità fis-soċjetà tagħna.”

Mhux kulħadd maqtugħ għall-iskola

“Ħija ma kienx maqtugħ għall-iskola u għalxejn kien jiġi ggwidat minn persuni fl-iskola u jagħtuh ċertu għajnuna. L-iskola f’Malta għandha tinbidel u titjieb għax mhux kulħadd maqtugħ għall-iskola kif nafuha  aħna. Imissna nibdew inqisu suġġetti ta’ snajja’ bħala suġġetti mandatorji u mhux sempliċement ta’ darba f’ġimgħa. 

Ħija kont tagħtih injama u jagħmillek armarju, tagħtih pinzell u jagħtik pittura, tagħtih pinna u somma u jqattaha bi sninu tant kemm kien jippanikkja. Jien forsi kont bil-kontra. Ippretendew li nagħmel il-home-economics. Tawni bajda u ppreferejt nikolha nejja milli naqa’ għan-nassa sessista tagħhom. Ippreferejt kumpass u lapes milli fardal. Għandna bżonn  bidla fis-sistema edukattiva qabel ma nikkonsidraw nagħmlu l-iskola mandatorja sa’ l-età ta’ 18-il sena.”

Għaliex ta’ bilfors?

“Jiena kont Giovanni Curmi Higher Secondary. Le, ma naqbilx li għandha tkun mandatorja. Allura nistaqsi, jekk persuna jkun jogħġobha x-xogħol tal-idejn u ma jinteressahiex mil-lat akkademiku, għandha tibqa’? Sforz ta’ entitajiet Maltin għax għamlu porposta li tkun mandatorja? Xi ngħidu għal dawk li jispiraw li jiftħu negozju għal rashom? Għalfejn ma jkomplux fuq dik il-linja u minflok ikollhom jibqgħu l-iskola, għaliex ta’ bilfors?”.

Ekonomija

Sport