Titħabbar il-ħames edizzjoni tal-Premju Emanuele Luigi Galizia

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard nieda l-ħames edizzjoni tal-Premju Emanuele Luigi Galizia organizzata b’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Kamra tal-Periti. L-għan ta’ dan il-premju huwa li jkompli jsaħħaħ ir-rikonoxximent tal-eċċellenza fl-arkitettura, l-ippjanar u l-ambjent mibni f’Malta.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Attard saħaq li l-ippjanar tajjeb huwa wieħed mill-aktar għodod importanti biex il-pajjiż ikompli jiżviluppa b’mod sostenibbli, filwaqt li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u jħares l-interessi tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Il-Ministru Attard qal li meta nitkellmu dwar l-ippjanar ma nkunux qed nitkellmu biss dwar permessi jew proċessi regolatorji, iżda dwar kif irridu li jidhru l-lokalitajiet tagħna, il-protezzjoni tal-wirt naturali u kulturali tagħna u l-kwalità tal-ispazji pubbliċi li nużaw kuljum.

Matul it-tnedija ġie spjegat kif il-Malta Architectural and Spatial Planning Awards, li l-Awtorità tal-Ippjanar organizzat mill-2019, ingħaqdu mal-Premju Emanuele Luigi Galizia sabiex jinħoloq premju nazzjonali wieħed aktar b’saħħtu, aktar inklużiv u aktar rappreżentattiv tas-settur kollu.

“Il-premju Emanuele Luigi Galizia jirrifletti s-sens ta’ kollaborazzjoni b’saħħitha li hemm bejn l-Awtorità tal-ippjanar u l-Kamra tal-Periti fejn għall-ewwel darba ingħaqdu biex jippremjaw l-eċċellenza fil-qasam tal-ippjanar u allura bħala gvern tirrifletti wkoll il-viżjoni tagħna lejn standards ogħla. Din mhijiex sempliċiment amalgamazzjoni ta’ żewġ premjijiet. Hija pjattaforma nazzjonali li tgħaqqad flimkien l-aħjar esperjenzi, l-aħjar prattiċi u l-aqwa aspirazzjonijiet tal-professjoni u tal-istituzzjonijiet pubbliċi”, saħaq il-Ministru Attard.

Biex tkompli tissaħħaħ din l-inizjattiva, twaqqaf kumitat konġunt bejn il-Kamra tal-Periti u l-Awtorità tal-Ippjanar, li ilu jaħdem fuq l-edizzjoni ta’ din is-sena sabiex ikompli jgħolli l-livell tal-premju, jespandi l-firxa tiegħu u jkompli jsaħħaħ ir-rikonoxximent tal-eċċellenza professjonali fil-pajjiż.

L-impenn tal-Gvern u tal-Awtorità tal-Ippjanar jibqa’ dak li jsaħħaħ il-governanza, it-trasparenza, il-kwalità fid-deċiżjonijiet u l-modernizzazzjoni tas-servizzi.

Fl-għeluq tal-indirizz tiegħu, il-Ministru Attard ħeġġeġ lill-professjonisti biex jipparteċipaw f’din l-edizzjoni ta’ dan il-Premju u jkomplu jkunu protagonisti fit-tiswir ta’ ambjent mibni ta’ kwalità għall-ġid tal-pajjiż.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal li dan il-premju jirrifletti rikonoxximent nazzjonali tal-abbiltajiet tal-periti u studenti u dak li għandu x’jaqsam ma’ bini li jispikka u li jirrifletti kemm il-ħtiġijiet tal-lum, dawk futuri u kif ukoll rispett lejn komunità inġenerali.

Il-President tal-Kamra tal-Periti l-Perit Andre Pizzuto spjega dwar il-ħtieġa li jkun hemm din il-kollaborazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet li għandhom daqshekk influwenza fuq l-ambjent mibni ta’ pajjiżna. Barra minn hekk min jirbaħ dan il-premju nazzjonali se jkun jista’ jipparteċipa fi premju fuq livell Ewropew tal-arkitettura.

Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll ir-rebbieħa tal-President’s Award tas-sena li għaddiet il-Periti Peter u Sandro Valentino minn Valentino Architects. 

Għal aktar informazzjoni dwar il-ħames edizzjoni tal-Premju Emanuele Luigi Galizia 2026, inklużi l-kategoriji, il-kriterji ta’ eliġibbiltà, ir-regolamenti u l-proċess ta’ applikazzjoni, dawk interessati huma mistiedna jżuru s-sit uffiċjali tal-premju www.premjugalizia.org.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport