Tuesday, July 14, 2026
Home Internazzjonali Il-Parlament Ungeriż jivvota biex ineħħi lill-President mill-kariga

Il-Parlament Ungeriż jivvota biex ineħħi lill-President mill-kariga

0
1

Il-Parlament Ungeriż ivvota biex neħħa lill-President tal-pajjiż, Tamás Sulyok, mill-kariga. Sulyok kien meqjus b’mod wiesa’ bħala lealissmu tal-eks Prim Ministru kontroversjali tal-lemin estrem Viktor Orbán li tilef l-elezzjoni f’April li għadda wara 16-il sena fil-poter.

Il-vot ittieħed wara li l-partit Tisza tal-Prim Ministru preżenti Péter Magyar uża l-maġġoranza ta’ żewġ terzi tiegħu biex jgħaddi s-17-il emenda għall-kostituzzjoni, u b’hekk temm il-mandat ta’ Sulyok u tal-kap tal-Qorti Kostituzzjonali Péter Polt.

Din kienet l-aktar ġurnata drammatika fil-parlament minn meta l-gvern il-ġdid ħa l-kariga fil-bidu ta’ Mejju, wara r-rebħa sorprendenti tiegħu kontra l-partit Fidesz ta’ Orbán fit-12 ta’ April.

Sulyok issa għandu ħamest ijiem biex jiffirma l-emenda – il-mandat tal- mewt politiku tiegħu stess – jew jirreferiha lill-Qorti Kostituzzjonali. Jekk huwa jirreferiha lill-qorti, Magyar diġa ddikjara li jniedi proċedimenti ta’ impeachment kontrih, li jissospenduh mill-kariga awtomatikament.

Għażla oħra tkun li sempliċement jirriżenja biex jevita kriżi kostituzzjonali fl-interess tal-pajjiż, kif il-gvern il-ġdid ilu jħeġġu biex jagħmel.

Deputati tal-partit Fidesz, li issa jinsab fl-oppożizzjoni, ħarġu mill-parlament qabel il-vot ta nhar it-Tnejn, u akkużaw lill-partit Tisza li qed jibni tiranija.

Skont Fidesz l-emenda li ġiet approvata mill-parlament tagħti lill-gvern is-setgħa arbitrarja li jkeċċi kwalunkwe uffiċjal pubbliku mill-kariga, b’effett immedjat. Dan l-argugment qed isir minn Fidesz anki minkejja li l-kostituzzjoni tal-2011, miktuba mill-gvern ta’ Orbán, stabbilixxiet il-prinċipju li “r-rebbieħ jieħu kollox”.

Fil-kariga mill-2010 sal-2026, Fidesz ifforma mill-ġdid l-istat Ungeriż skont ir-rieda tiegħu stess, u mela pożizzjonijiet statali suppost indipendenti b’nies leali lejn l-partit. 

Il-141 deputat ta’ Tisza fil-parlament taw ovazzjoni bilwieqfa hekk kif tħabbru r-riżultati tal-votazzjoni.

L-emenda tneħħi wkoll l-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali li għandhom aktar minn 70 sena, u tipprojbixxi lid-deputati li servew tliet termini fil-parlament milli jerġgħu jikkontestaw. Din se jintlaqtu minnha  aktar minn nofs id-deputati attwali ta’ Fidesz.

L-eks Kap tal-Qorti Suprema András Baka stqarr li huwa jaqbel mat-tneħħija tal-president u sostna li l-Ungerija kienet immexxija skont l-istat tad-dritt bejn l-1989 u l-2010. Wara dan, il-partit Fidesz ħataf l-istituzzjonijiet tal-istat u ħoloq stat awtoritarju.

L-eks Prim Ministru Orbán innifsu bilkemm deher fil-pubbliku, u rrifjuta li jieħu postu fil-parlament. Nhar it-Tnejn, telaq mill-Ungerija biex jara l-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol fl-Istati Uniti.

Hemm rabja dejjem tikber għal Orbán f’dak li fadal mill-Fidesz. Ħafna jħossuhom imħawdin bl-assenza tiegħu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here