Saturday, December 28, 2024

AĠĠORNAT: Silvio Parnis se jingħata l-aħħar tislima nhar il-Ġimgħa li ġej

Aqra wkoll

AĠĠORNAT 18:20 – Fl-aħħar ħinijiet il-familja ħabbret li l-aħħar tislima lil Silvio Parnis se tkun qed issir nhar il-Ġimgħa fit-8:30am fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid.

Ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt tal-Eks Deputat Laburista u Eks Segretarju Parlamentari, Silvio Parnis.

Parnis, fl-aħħar jiem kellu jiddaħħal l-Isptar Mater Dei għall-osservazzjoni medika.

Fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu, kien hemm il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Labursita, Robert Abela, kif ukoll il-Partit Laburista, u l-Ministru Julia Farrugia Portelli.

“Tlifna bniedem tan-nies. Silvio Parnis kien persuna li meta titkellem miegħu d-diskussjoni kienet se ddur dejjem fuq dak li jeħtieġu n-nies, fuq dak li wieħed jista’ jagħmel biex itejjeb il-ħajja ta’ dawk li jifilħu l-inqas,” sostna l-PM Robert Abela.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ddeskriviet lil Parnis bħala “Ħabib, kollega u bniedem li dejjem ħabb lill-batut”. “Se tibqa’ ħaj fil-ħafna ġid li għamilt maż-żgħir, mal-marid u mal-muġugħ,” ittemm Portelli.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Parnis fejn stqarr li kemm bħala xandar kif ukoll bħala politiku, “Parnis dejjem ra li jħaddem fil-prattika l-valuri tal-ġustizzja soċjali u l-għajnuna lill-batut … Ta kontribut kbir ukoll fl-istazzjonijiet ONE, fejn hemm ukoll uża x-xandir biex jgħin lin-nies direttament”.

Parnis għal ħames leġiżlaturi rrappreżenta l-kostitwenti tar-raba’ distrett elettorali fil-Parlament, wara li iktar qabel serva bħala Sindku ta’ Raħal Ġdid, kif ukoll serva fil-Kabinett tal-Ministri.

“Parnis jibqa’ magħruf bħala politiku ta’ qalb tajba li dejjem baqa’ viċin in-nies; politiku ta’ twemmin Soċjalista qawwi u eżempju ta’ kif wieħed għandu jibqa’ dejjem saqajh mal-art u jagħti widen għall-ħtiġijiet taċ-ċittadin,” sostna l-Partit Laburista fl-istqarrija.

Ekonomija

Sport