Friday, May 3, 2024

F’kawżi dwar kustodja tal-ulied il-Qorti tgħid li saru talbiet li jġibu lit-tfal qishom ltiema

Aqra wkoll

F’kawża dwar kustodja ta’ tifla li llum għandha 14-il sena, il-Qorti tal-Familja f’kumment li għamlet irrikonoxxiet il-fatt illi ċertu drabi jsirulha talbiet sabiex ġenitur partikulari jiġi eskluż mit-trobbija tal-ulied bil-konsegwenza li l-minuri jisfaw jitrabbew bħala ltiema minkejja li għandhom iż-żewġ ġenituri għadhom ħajjin.

Għall-istess Qorti, preseduta mill-Imħallef Abigail Lofaro tali aġir ma huwa xejn ħlief frott tal-pika żejda ta’ bejn il-ġenituri nfushom.

Din il-kawża li sentenza dwarha ngħatat fil-15 ta’ Diċembru, irriżultat mill-fatti illi l-partijiet kienu f’relazzjoni flimkien iżda qatt ma żżewġu u li minn din ir-relazzjoni twieldet tifla fi Frar 2008. Ir-relazzjoni bejniethom sfaxxat fix-xejn u fid-dawl ta’ dan, it-tifla spiċċat tgħix ma’ ommha filwaqt li missierha kien qed igawdi mid-dritt ta’ aċċess għal bintu u jħallas ukoll manteniment.

Ingħad illi tenut kont ta’ atteġġjament skorret min-naħa tal-missier, l-omm għamlet il-kawża sabiex is-sitwazzjoini rigward bintha minuri tiġi regolata formalment mill-Qorti. Fil-fatt, l-omm talbet sabiex il-qorti tafdalha l-kura u l-kustodja esklussiva ta’ binthom minuri u kif ukoll tiffissa l-manteniment li għandu jitħallas mill-missier.

Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Lofaro filwaqt li ċaħdet it-talba tal-omm, ordnat illi l-kura u l-kustodja tat-tifla minuri tibqa’ b’mod konġunt bejn il-partijiet. Fl-istess waqt ukoll, il-Qorti kkundannat lil missier it-tifla sabiex iħallas is-somma ta’ €27,830 f’arretrati ta’ manteniment u spejjeż oħra relatati ma’ saħħa, edukazzjoni u attivitajiet oħra għal perijodu bejn id-data tat-twelid tal-minuri u Marzu tal-2018.

Sport