Saturday, December 21, 2024

Titħabbar il-mewt tal-eks coach nazzjonali Tony Formosa

Aqra wkoll

Tħabbret il-mewt tal-eks coach tat-team nazzjonali, Tony Formosa, fl-etá ta’ 86 sena. 

Huwa kien fir-responsabbiltá tat-team Malti bejn Mejju 1971 u Novembru 1972, bl-aktar partita importanti tkun dik tat-12 ta’ Mejju, 1971, kontra l-Ingilterra, f’Wembley Stadium, fejn l-avversarji kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5-0. 

Fl-1966, huwa kien mexxa wkoll lil Malta, flimkien ma’  Janos Bedl, fir-rebħa ta’ 1-0 fuq il-Libja f’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet fil-ground ta’ Manoel Island. 

Formosa twieled ir-Rabat Għawdex, fit-2 ta’ Ġunju 1937, u rċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo tal-Ħamrun, imbagħad il-Belt Valletta u konsegwentement fil-Kulleġġ tat-Taħriġ ta’ San Mikiel, f’Ta’ Giorni, minn fejn irnexxielu jikkwalifika bħala għalliem li jispeċjalizza fil-matematika u l-edukazzjoni fiżika. Huwa kompla l-istudji tiegħu fil-famuż, Carnegie College of PE, f’Leeds, fejn kiseb diploma b’distinzjoni.

Fl-1962, Formosa segwa b’suċċess żewġ korsijiet ta’ coaching, fir-Renju Unit, fejn kiseb iċ-ċertifikat FA Preliminary Coaching. F’dik l-istess sena, sar l-ewwel Malti li rċieva l-Full Badge li fisser li seta’ jikkowċja l-logħba tal-Association Football fil-livelli kollha.

Wara karriera modesta ta’ player, l-ewwel ħatra tiegħu bħala coach kien ma’ Zejtun Corinthians fl-1961 qabel ma kompla ma’ Hamrun Spartans. Formosa kompla b’perjodi ta’ suċċessi ma’ Valletta, Floriana u Sliema Wanderers, filwaqt li bejn wieħed u ieħor mexxa lit-tim ta’ Taħt it-18-il sena fi tliet okkażjonijiet b’partiti kontra l-Italja, l-Isvizzera u l-Awstrija.

Fl-1987, wara l-partita tat-Tazza UEFA ma’ Valletta kontra Juventus, Formosa rtira mill-coaching wara 197 partita mill-aqwa u nħatar Kap tal-Isport fi ħdan il-Ministeru taż-Żgħażagħ u l-Kultura.

Formosa huwa l-fundatur ta’ Skolasport u kien magħruf ħafna wkoll għall-kummentarji tiegħu waqt partiti tal-football internazzjonali televiżivi u bħala produttur ta’ programmi sportivi fuq stazzjonijiet tar-radju lokali.

Ekonomija

Sport