Thursday, December 26, 2024

Titħabbar il-mewt tal-leġġendarja tal-bowling … Doris Camilleri

Aqra wkoll

Tħabbret il-mewt tal-eks player u cham­pion nazzjonali tal-bowling, Doris Ca­milleri. Hija kienet meqjusa bħala leġġenda tal-bowling lokali hekk kif rebħet kemm-il darba it-titlu ta’ Champion Nazzjonali flimkien ma’ kompetizzjonijiet oħra ewlenin kemm lokali kif ukoll internazzjonali.

Camilleri kienet rebħet it-titlu ta’ cham­pion nazzjonali ħames snin wara xulxin bejn l-1982 u l-1986. Imbagħad reġgħet rebħet dan it-titlu fl-1993, 1995 u fl-2003.

Fil-Kampjonat tal-Mediterran tal-1999 Ca­milleri rebħet il-midalja tal-fidda fid-doubles flimkien ma’ Sue Abela u d-deheb bħala team. Fl-2001 rebħet bronż fis-singles, bronż fid-doubles ma’ Sue Abela u fidda fl-All Events. Fl-2003 rebħet deheb fid-doubles għal darb’oħra ma’ Sue Abela u bronż fit-Team Event.

Fil-Konkors Sportiva tas-Sena tal-1985, Camilleri kienet spiċċat fit-tieni post.

Fost dawk li sellmu lil Doris Camilleri kien hemm il-player kurrenti, Sue Abela li f’messaġġ fil-paġna personali tagħha fuq Facebook fakkret il-memorji sbieħ li għandha tagħha kemm bħala player kif ukoll bħala ħabiba.

L-assoċjazzjoni tal-bowling fissret lil Doris Camilleri bħala “waħda mill-aqwa bowlers tagħna ta’ kull żmien”. Huma fakkru li Camilleri kienet membru tat-team Nazzjonali Malti, eks champion nazzjonali, u kompetitur “qalil u ġust.” Huma rreferew għaliha wkoll bħala ambaxxatriċi tal-isport tal-bowling.

Il-funeral tagħha se jsir illum il-Ġimgħa, 17 ta’ Novembru, fit-8.30 am fil-Knisja Parrokjali ta’ Birżebbuġa.

Minn dawn il-kolonni nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-familjari u ħbieb tagħha.

Ekonomija

Sport