Wednesday, December 25, 2024

Titħabbar il-mewt tal-leġġendarju Kurt Hamrin

Aqra wkoll

L-eks winger leġġendarju ta’ Fiorentina u wieħed mill-players kbar tal-Isvezja, Kurt Hamrin, li kien l-aħħar player ħaj li pparteċipa fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-1958 miet fl-eta’ ta’ 89 sena.

Il-Federazzjoni tal-Football Svediża ħabbret il-mewt ta’ Hamrin il-bieraħ il-Ħadd, iżda ma ġewx żvelati aktar dettalji.

“Wieħed mill-akbar ikoni tal-football Svediż ħalliena. Strieħ fis-sliem Kurt “Kurre” Hamrin,” qalet fi stqarrija fuq il-midja soċjali. ”Kurre” Hamrin kien fattur kbir fil-’fidda’ tat-Tazza tad-Dinja tal-Isvezja fl-1958. Huwa leġġenda kemm fl-AIK kif ukoll fi Fiorentina għall-isforzi tiegħu fiż-żewġ clubs.

Hamrin skorja 17-il goal fi 32 partita għall-Isvezja. Huwa skorja fis-semi-finali kontra l-Ġermanja tal-Punent fl-1958, iżda l-Isvezja ġiet megħluba 5-2 mill-Brażil fil-finali.

L-aħħar superstilla min-naħa tal-Brażil kien Mario Zagallo, li miet xahar biss qabel fl-età ta’ 92 sena.

Hamrin kien ukoll l-iskorer rekord ta’ Fiorentina – indaqs ma’ Gabriel Batistuta – b’203 goals fid-disa’ snin tiegħu mal-club qabel ma mar ma’ Milan fl-1967. Huwa kien id-disa’ fil-lista tal-iskorers kollha tas-Serie A, b’190 goal għal ħames clubs fil-kampjonat Taljan.

L-Isvediż lagħab ukoll ma’ Napoli u IFK Stockholm qabel mar lura Firenze wara li rtira. Huwa kien qed jgħix fil-belt Taljana meta miet.

Hamrin beda l-karriera tiegħu ma’ AIK fl-Isvezja qabel ma mar l-Italja u Juventus. Hu qatta’ staġun wieħed hemmhekk qabel mar b’self ma’ Padova u wara Fiorentina fl-1958.

Hamrin għen lil Fiorentina jirbħu l-Coppa Italia fl-1961 u l-1966 kif ukoll it-Tazza tar-Rebbieħa tat-Tazzi Ewropej fl-1961, meta spiċċa l-kompetizzjoni bħala l-aqwa skorer b’sitt goals.

Ħamrin rebaħ ukoll it-titlu tal-kampjonat Taljan ma’ Milan fl-1968 u skorjaw iż-żewġ goals għar-Rossoneri meta għelbu lil Hamburg 2–0 fil-finali tat-Tazza tar-Rebbieħa tat-Tazza dik is-sena.

Huwa għen lil Milan jirbħu t-Tazza tal-Ewropa fl-istaġun ta’ wara, u skorja goal fis-semi-finali kontra ċ-champion renjanti Manchester United.

Ekonomija

Sport