Saturday, December 21, 2024

Titħabbar il-mewt tar-Reġina Eliżabetta ll wara 70 sena fuq it-tron

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tħabbret il-mewt tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni fl-età ta’ 96 sena. Hija serviet f’din il-kariga għal 70 sena tant li ftit tax-xhur ilu saru ċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażżjoni ta’ daqstant snin ta’ ħidma.

Ir-Reġina mietet fil-Kastell Balmoral fl-Iskozja, wara li sigħat qabel inħarġet stqarrija tgħid li r-Reġina tpoġġiet taħt osservazzjoni medika wara li t-tobba kienu inkwetati minħabba l-qagħda tas-saħħa tagħha. Mal-aħbar tal-kundizzjoni serja tagħha vjaġġaw minnufih biex ikunu madwarha binha l-Prinċep Karlu u t-tfal tiegħu, il-Prinċpijiet William u Harry, flimkien ma’ qraba oħra mill-familja Rjali.

Ir-Reġina Eliżabetta II twieldet fil-21 ta’ April tal-1926, f’Londra u ġiet inkurunata bħala Reġina tar-Renju Unit fit-2 ta’ Ġunju tal-1952. Matul it-tmexxija tar-Reġina Eliżabetta II, ftit wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-pajjiżi li kienu fl-Imperu bdew jieħdu l-indipendenza tagħhom u dawn bdew jingħaqdu fil-grupp tal-Commonwealth. Fost il-pajjiżi li kienu jaqgħu taħt il-monarkija tagħha kien hemm pajjiżna li sar Repubblika fl-1974.

Matul it-tmexxija tagħha, ir-Reġina Eliżabetta II laħqet 15-il Prim Ministru fir-Renju Unit, bl-aħħar waħda li tkun appuntata hija proprju l-Prim Ministru ġdida Liz Truss.

Ir-Reġina Eliżabetta ltaqgħet mar-raġel tagħha, il-Prinċep Filippu fl-1934 u żżewġu fl-20 ta’ Novembru tal-1947.

Ir-Reġina Eliżabetta II kellha rabta b’saħħitha ma’ Malta, hekk kif hija għexet f’pajjiżna ma’ żewġha, il-Prinċep Filippu, hekk kif kien stazzjonat bħala uffiċjal navali f’Malta. Kemm damet Reġina tar-Renju Unit, hija żaret li pajjiżna sitt darbiet, bl-aħħar waħda tkun dik tal-2015 minħabba laqgħat tal-Commonwealth.

Ekonomija

Sport