Friday, November 22, 2024

Titħabbar l-eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni fuq art agrikola li qed tiġi mikrija lil terzi

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar miżura ġdida li se twassal għall-eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni fuq art agrikola li qiegħda tiġi mikrija lil terzi.

Il-ministru nnota li għal darb’oħra l-gvern qed iwettaq miżura oħra. Kompla jispjega kif wara li ġiet imnedija l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fil-qasam tar-raba’, u wara li ġiet stabbilita l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta f’Novembru li għadda sabiex twettaq il-proposti li kienu inklużi fir-riforma, issa kien imiss illi dak li ġie mwiegħed fir-riforma tar-raba’ jibda jiġi mwettaq.

Kompla jispjega li permezz ta’ din il-miżura se jibbenefika s-sid li jkun għadu kif wiret art agrikola li qed tiġi mikrija lil terzi u anke artijiet agrikoli li jintirtu minn bdiewa li jkunu meqjusa bħala bdiewa professjonali. Għaldaqstant,  kwalunkwe werriet illi jkun ser jiret art agrikola li ma jkunx jista’ jieħu l-pussess totali tal-art f’idejh, tali werriet ser ikun qed jiġi eżenti mit-taxxa tas-suċċessjoni meta dan jiddikkjaraha fuq il-kuntratt causa mortis.

Din il-proposta mhijiex immirata biss għall-werrieta li għandhom l-art imqabbla lil terzi iżda tapplika wkoll għal dawk il-werrieta illi jkunu ser jirtu art agrikola u huma stess jew xi ħadd minnhom ikun meqjus bħala bidwi professjonali.   

Ta’ min isemmi illi din il-miżura ser tkun qed tapplika għal dawk id-dikjarazzjonijiet causa mortis fejn id-defunt ikun miet wara l-1 ta’ Jannar 2024.   

“Dan il-gvern ħadem bis-sħiħ sabiex fejn hemm xi tip ta’ inġustizzja lejn is-sidien tar-raba’ li qed jiġu mċaħħda mit-tgawdija mill-art agrikola tagħhom, din tiġi indirizzata u jibda jinħoloq bilanċ bejn is-sid u l-kerrej tal-art,” temm jgħid il-Ministru Anton Refalo.

L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta Marielise Tabone qalet li tali miżura hija waħda mill-ħafna miżuri illi l-aġenzija ser tkun qed timplimenta matul iż-żminijiet li ġejjin. Hija saħqet li l-aġenzija ser tkompli taħdem bla waqfien sabiex tiġi żgurata li art agrikola tibqa’ tinħadem għall-iskop agrikolu tagħha, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel f’Malta u tħares l-ambjent naturali. Hija qalet illi b’din il-miżura ser ikun qed jiġi protett is-settur tal-biedja b’tali mod illi l-bidwi jibqa’ jaħdem l-art li ilu jaħdem għal tant żmien filwaqt li tkun qed issir ġustizzja anke mas-sidien li jkunu ser jirtu art agrikola, ladarba huma mhux ser ikunu qed iħallsu ebda taxxa fuq it-trasferiment causa mortis tal-istess art.

Sport