Monday, November 18, 2024

Titjib fil-kundizzjonijiet tan-negozju fit-tieni kwart tal-2022

Rapport tal-Bank Ċentrali

Aqra wkoll

Rapport maħruġ mill-Bank Ċentrali ta’ Malta wera li fit-tieni kwart tal-2022 kien hemm titjib fil-kundizzjonijiet tan-negozju. Dan wara li battew fiż-żewġ kwarti preċedenti. 

Fil-fatt, il-perċentwal nett tan-negozji li rrappurtaw titjib fl-attività matul it-tliet xhur ta’ qabel l-intervista żdied minn 31% fl-ewwel kwart tal-2022 għal 52% fit-tieni kwart. Matul dan il-kwart, 64% tan-negozji kkuntattjati rrappurtaw żieda fl-attività filwaqt li 13% rrappurtaw tnaqqis. 

L-aspettattivi dwar il-kundizzjonijiet tan-negozju huma inqas inċerti iżda wkoll inqas ottimisti meta mqabbla mal-kwart ta’ qabel. Fil-fatt, 48% tan-negozji intervistati rrappurtaw li huma jistennew li l-attività kummerċjali ser tiżdied fit-tliet xhur li ġejjin filwaqt li 17% antiċipaw tnaqqis. 

Għalhekk, proporzjon nett ta’ 31% stenna titjib fl-attività kummerċjali, minn 39% fil-kwart preċedenti. In-negozji komplew jiġu affettwati b’mod negattiv mit-tfixkil fil-provvista u żidiet fl-ispejjeż, li baqgħu għoljin fit-tieni kwart tas-sena. Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji kienu affettwati mill-gwerra fl-Ukrajna, l-aktar minn prezzijiet ogħla tal-importazzjoni. 

Fil-fatt, 77% tal-kuntatti rrappurtaw żieda fil-prezzijiet tal-produzzjoni. Minħabba żidiet għoljin fl-ispejjeż, madwar 61% nett tannegozji intervistati rrappurtaw żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom. Dan kien l-ogħla bilanċ nett sa minn meta beda l-istħarriġ. 

Fit-tieni kwart tal-2022, 92% ta’ dawk li wieġbu qalu li komplew bil-pjanijiet tagħhom ta’ investiment kif skedat, filwaqt li 5% rrappurtaw posponiment. 

Il-proporzjon tan-negozji li rrappurtaw li l‑ebda investiment ma kien ippjanat niżel għal 3%, meta mqabbel ma’ 18% fil-kwart preċedenti. 

Fid-dawl ta’ kundizzjonijiet pożittivi tan-negozju, 42% nett tan-negozji qed jippjanaw li jżidu lħaddiema, żieda minn 35% fil-kwart preċedenti. Dan il-proporzjon hu l-ogħla fost il-kumpaniji tas-servizzi. In-negozji komplew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema u l-pressjonijiet biex jiżdiedu l-pagi.

Ekonomija

Sport