Saturday, December 28, 2024

Titjib fis-servizz għal pazjenti li jkunu qed jesperjenzaw mard terminali

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ġedded ftehim soċjali li għandu mal-Hospice Malta, sabiex ikompli jsostni u jsaħħaħ s-servizzi li jingħataw lil pazjenti li jkunu qed jesperjenzaw mard terminali. Dan ħabbru l-Ministru Michael Falzon waqt żjara li għamel f’kumpless għall-kura paljattiva li bħalissa qed jinbena mill-Hospice, f’Santa Venera.

Ġie spjegat li parti minn dan il-ftehim soċjali se jiggarantixxi s-servizz ta’ sapport soċjali, f’parti minn dan il-kumpless. B’hekk numru ta’ professjonisti se jkunu qed jgħinu kemm lill-pazjenti ta’ mard paljattiv, kif ukoll lill-familjari tagħhom. F’ċertu każijiet, l-għajnuna tista’ tingħata wkoll fid-djar tal-pazjenti.

F’dan il-ftehim soċjali, il-Gvern se jkun qed jinvesti €1.26 miljun, mifruxa sas-sena 2025. Dan ifisser żieda ta’ 30% fil-finanzjament hekk kif l-aħħar ftehim kien ilaħħaq id-€960,000. Permezz ta’ dan il-ftehim, se tingħata aktar minn 8,000 siegħa ta’ sapport psiko-soċjali li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-membri tal-familja li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli. Minbarra din l-għajnuna, ser tingħata mal-15,000 siegħa ta’ sapport lill-pazjenti fir-residenzi tagħhom stess, għax jista’ jkun hemm istanzi fejn il-klijenti jsibuha diffiċli biex jingħataw sapport u kura barra mid-dar.

“Ejja niftakru li hawnhekk qed nitkellmu fuq każijiet ta’ natura serja, li jinkludu mard paljattiv bħal kanċer, mard respiratorju u tal-qalb, fost oħrajn. Għalhekk huwa essenzjali li noffru sapport psikoloġiku mogħti lill-familjari ta’ dawk morda b’mard terminali, għax nifhmu illi jkunu għaddejjin minn mumenti delikati, li jġorru magħhom tensjoni u sfidi kbar.

Kommessi illi nkomplu nsaħħu dawn il-ftehimiet soċjali, li jirrikjedu investiment u riżorsi kontinwi. Nemmnu f’governanza li ma tħalli lil ħadd waħdu. Hekk biss ngħixu b’mod ħaj il-kunċett ta’ ġustizzja soċjali,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Ekonomija

Sport