Wednesday, November 6, 2024

Titlaq mill-impjieg għax ma felħitx l-ispiża taċ-childcare

Aqra wkoll

Kuntistabbli tal-pulizija mara impenjattiva f’Liverpool, l-Ingilterra kellha titlaq mill-impjieg tagħha wara li welldet lil bintha u ma setgħetx tħallas l-ispiża għaċ-childcare waqt li hija tkun għax-xogħol.

L-istorja ta’ din l-eks kuntistabbli, Luba Dimov ta’ 26 sena bdiet hekk kif il-leave tal-maternità tagħha waslet fi tmiemha u hi u r-raġel tagħha bdew ifittxu post fejn iħallu lil binthom waqt li huma jkunu xogħol. 

Huma kienu xxukkjati meta saru jafu li l-ħlas medju għas-servizz ta’ childcare kien ta’ £1,000 fix-xahar għal 40 siegħa fil-ġimgħa. Dan l-ammont kien aktar minn nofs is-salarju li kienet taqla Luba Dimov bħala kuntistabbli tal-pulizija. 

L-ispiża medja biex tifel jew tifla taħt is-sentejn jintbagħtu f’childcare għal 25 siegħa fil-ġimgħa part-time fir-Renju Unit telgħet għal £7,729  fis-sena fl-2023, filwaqt li post full-time jiswa madwar £14,836 fis-sena.

Iffaċċjata b’din is-sitwazzjoni, dan l-aħħar l-eks kuntistabbli stabbiliet in-negozju tagħha stess għall-kura tat-tfal u titħallas madwar £50 kuljum, jew bejn wieħed u ieħor £8 fis-siegħa, għas-servizzi tagħha. B’dan il-mod ukoll l-eks kuntistabbli qed tgħin xi ftit lill-ġenituri li ma jaffordjawx iħallsu l-prezzijiet tas-suq f’childcare għal uliedhom.

Sport