Monday, November 11, 2024

Titlob biex twaqqa’ l-akkużi ta’ vjolenza domestika kontra s-sieħeb tagħha

Aqra wkoll

Mara mir-Rabat talbet lill-Maġistrat Rachel Montebello biex twaqqa’ l-akkużi kontra s-sieħeb tagħha wara li fis-seduta ta’ qabel irrifjutat li tixhed kontrih.

Illum il-mara għamlet din it-talba waqt li bdiet tixhed u kif f’dan il-mument li l-Maġistrat Montebello ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga x-xhieda ta’ mara f’kawża li fiha s-sieħeb tagħha qed jiġi mixli bi vjolenza domestika.

Hi xhedet li kienet ilha f’relazzjoni mal-akkużat għal dawn l-aħħar 7 snin u kienu nfirdu biss għal ġurnaa waħda minħabba aċċident li kien seħħ f’Diċembru tas-sena l-oħra.

Il-mara qalet li s-sieħeb tagħha kien beda jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tal-alkoħol f’Għawdex u kienet titla’ żżuru waqt dan iż-żmien.
Wara li l-mara qanqlet suspetti waqt ix-xhieda tagħha, il-Maġistrat Montebello staqsietha jekk kien hemmx xi ħadd li qallha biex titkellem b’dan il-mod waqt ix-xhieda. Il-mara wieġbet li kienet qed tixhed skont dak li taħseb hi.

Il-Qorti staqsiet ukoll lix-xhud jekk għandhiex bżonn protezzjoni u jekk tħosshiex sigura mal-akkużat u jekk hiex konxja li jekk twaqqa’ l-kawża ma tistax terġa’ tiftaħha.

Hawnhekk il-mara staqsietha x’jiġri jekk tinqala’ xi ħaġ’oħra u l-maġistrat wieġbet billi staqsietha r-raġuni għax kienet qed tistaqsiha dik id-domanda.
Il-Qorti għal darb’oħra reġgħet staqsiet lil mara jekk hux qed tħossha sigura mal-akkużat u l-mara wieġbet li s-sieħeb tagħha kien qed jaġixxi tajjeb fil-konfront tagħha.

Mistoqsija jekk kienx hemm xi inċidenti oħra, il-mara qalet li dan kien l-ewwel inċident. Madankollu meta l-Ispettur Audrey Micallef li taħdem fi ħdan it-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fakkritha li kienet ħadet ġurament, hija wieġbet li kien hemm każ ieħor.

Hawnhekk il-Maġistrat Montebello ġibditilha l-attenzjoni li meta staqsietha kienx hemm każi oħra wieġbet fin-negattiv u għamlitha ċara li ma kinitx konvinta mir-risposta tagħha fuq jekk kinitx imbeżżgħa mis-sigurtà tagħha fil-futur.
Il-qorti ma laqgħetx it-talba tal-vittma biex twaqqa’ l-każ u talbet lill-prosekuzzjoni biex tmexxi bil-każ tagħha fis-seduta li jmiss.

Kien għalhekk li l-Maġistrat Montebello talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lill-mara biex jara jekk xehditx falz.

Il-każ se jkompli jinstema’ f’Jannar li ġej.

Sport