Thursday, April 18, 2024

“Għadek issib min lill-vittma jgħidilha ‘u ejja tagħmilx għaġeb’”

- is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet fil-Parlament li l-qtil ta’ Bernice Cassar, li seħħ it-Tlieta filgħodu, jirrappreżenta tebgħa kerha fuq il-kuxjenza tas-soċjetà tagħna.

“Bernice bħal Rita, Paulina, Chantelle, Maria Lourdes u Angele u oħrajn, hi telfa għal kull wieħed u waħda minna. L-akbar telfa jħossuha t-tfal u l-familja tagħha,” qalet Buttigieg.

Qalet li Bernice kienet omm ta’ 40 sena li kien għad kellha l-isbaħ parti ta’ ħajjitha quddiemha, li nqatlet kiesaħ u biered sempliċiment għax mara. Żiedet tgħid li f’dawn l-aħħar xhur u snin saru riformi importanti f’dan il-qasam iżda xorta ma kienx biżżejjed biex nevitaw każ diżgustanti bħal dak tat-Tlieta.

“Nafu li l-pulizija kienet irċeviet rapporti li ħadmet fuqhom, li l-allegat aggressur ittella’ l-Qorti, li nħarġet ordni ta’ protezzjoni u dettalji oħra li juru kif is-sistema aġixxiet f’dan il-każ. Ladarba seħħ il-qtil, huwa evidenti li xi mkien b’xi mod seta’ jsir aħjar,” qalet Buttigieg filwaqt li laqgħet it-twaqqif tal-inkjesta ministerjali li se tistabbilixxi l-fatti u x’passi ħadet kull entità li kienet involuta f’dan il-każ.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li minkejja dan, irridu nagħmlu aktar u fadlilna responsabbiltà kbira fil-ġlieda li trid issir kuljum għall-vjolenza domestika. Hija qalet li għadek tisma’ sal-lum argumenti frivoli fuq is-suġġett.

“Għadek tisma’ sal-ġurnata tal-lum ġustifikazzjonijiet frivoli ta’ għaliex persuna ddeċidiet li tattakka persuna oħra. Li lill-vittma għadek issib min jgħidilha u ejja agħmilx għaġeb. B’dan il-mod se nsolvu din il-pjaga soċjali?”.

Waqt li rrikonoxxiet li sfidi se jkun hemm f’kull familja u f’kull relazzjoni, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg saħqet li l-ebda tip ta’ vjolenza mhi aċċettabbli. Kien hawn fejn staqsiet jekk huwiex il-mument li meta tinħareġ ordni ta’ protezzjoni, kif seħħ mal-allegat aggressur fil-każ ta’ Bernice, nibdew nikkonsidraw l-introduzzjoni tas-sistema ta’ electronic tagging biex l-awtoritajiet ikunu jafu l-movimenti tal-aggressur. “B’dan il-mod, il-vittma se jkollha s-serħan il-moħħ u l-pajjiż mhux se jerġa’ jisbaħ għal aħbar daqshekk kerha?”, żiedet tistaqsi s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

Ekonomija

Sport