Friday, December 27, 2024

Titnieda Christmas in the City

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur flimkien mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta nedew programm ta’ attivitajiet għal żmien il-Milied maħsub biex iżomm il-festi tal-Milied ħajjin.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Pjazza Teatru Rjal, ġie mħabbar ukoll li ser ikun hemm parkeġġ b’xejn għal min jidħol il-Belt waqt Black Friday, il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru, kif ukoll fit-8 u fit-13 ta’ Diċembru u mid-19 ta’ Diċembru sal-1 ta’ Jannar.

Din l-inizjattiva se tkun qed tiġi ffinanzjata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu permezz ta’ investiment ta’ €50,000. Dan ħabbritu l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli. “Fiż-żmien li għaddejjin minnu bħalissa, nixtiequ li nżommu l-ispirtu tal-Milied wieħed ħaj filwaqt li nkomplu ngħinu u nagħtu s-sostenn lill-industrija lokali. Nemmnu li dan il-bilanċ jista’ jintlaħaq billi l-attività ekonomika tibqa’ għaddejja anke fejn jidħol xiri tal-Milied fl-istess ħin li n-nies jibqgħu jieħdu l-prekawzjonijiet kollha,” sostniet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Il-Ministru Farrugia Portelli ħeġġet lil min issoltu jqatta’ l-vaganzi msiefer biex jikkunsidra postijiet bħal boutique hotels u ristoranti fil-Belt Valletta u jgawdi l-atmosfera li se tkun waħda li tixbaħ dik ta’ bliet oħra iżda fejn l-esperjenza tkun tassew unika. Hija semmiet kif il-programm tal-Milied għal din is-sena minkejja li huwa wieħed differenti se jkun konformi mal-aħħar miżuri maħruġa mid-Dipartimenti tas-Saħħa.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera spjega kif permezz ta’ dawn l-attivitajiet u l-inċentivi għal dawk kollha li ser ikunu qed jidħlu l-Belt Valletta, l-arti u l-kultura qed tkun xprun tal-ekonomija u t-tkabbir soċjali. Sostna li minkejja li għaddejjin minn żminijiet partikolari ħafna, huwa importanti li nkomplu nagħtu s-sostenn tagħna lill-artisti bil-parteċipazzjoni tagħna bħala membri tal-udjenza u li jkomplu jsiru attivitajiet kulturali.

Ic-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia spjega kif minkejja l-pandemija, l-awtorità baqgħet tuża mezzi ta’ marketing biex inkomplu nirreklamaw lill-belt kapitali li ttrasformat ruħha bħala destinazzjoni turistika. Huwa semma kif il-Belt Valletta toffri akkomodazzjoni ta’ kwalita’ u għolliet il-livell tagħha anki mill-aspett kulinari b’ristoranti saħansitra jġorru magħhom it-titlu tal-Michelin. Dr Gulia temm jgħid li ż-żminijiet tal-Milied għandhom jintużaw biex inkomplu nirriklamaw lill-Belt Valletta mat-turisti.

Ic-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef qal: “Fiċ-ċirkostanzi straordinarji li qed ngħixu fihom, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, f’rispett sħiħ lejn il-miżuri kollha mid-Dipertiment tas-Saħħa Pubblika, ħasbet biex mill-20 ta’ Novembru – meta ser jinxtgħel id-dawl tal-Milied – sal-aħħar tas-sena, l-ispirtu tal-Milied fil-Belt Valletta ma jmutx. Minkejja r-restrizzjonijiet fl-għażla tal-attivitajiet, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta xorta waħda ħejjiet programm ta’ sensiela ta’ attivitajiet li jvarjaw minn arti performattiva, teatru tat-triq, mużika, korijiet tal-Milied, u fuq kollox, disinn mil-isbaħ ta’ dawl tal-Milied għal Triq ir-Repubblika u Strada Merkanti, u għall-ewwel darba, mal-faċċati kollha ta’ Pjazza San Ġorġ. Ma’ dawn ser ikun hemm ukoll il-Presepju f’Pjazza de Valette u disinn artistiku tan-natività li ser ikun qed jitpoġġa mal-faċċata tal-Main Guard”.

Il-Programm tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ħaseb li mhux biss iżejjen it-toroq u l-pjazez bi dwal spettakolari, iżda ħoloq ukoll avvenimenti żgħar u medji f’diversi postijiet fosthom Pjazza de Valette, Pjazza Ħelsien, Triq ir-Repubblika, Pjazza l-Assedju l-Kbir, Pjazza San Ġorġ, Is-Suq u Strada Stretta.

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tieħu ħsieb li ssegwi l-miżuri kollha imposti mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u għalhekk wieħed jista jgawdi dawn l-avvenimenti matul żmien il-Milied b’moħħu mistrieħ.

Preżenti għal din il-Konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu Ronald Mizzi, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji Abigail Mamo kif ukoll rappreżentanti tal-kommunità kummerċjali.

Ekonomija

Sport