Sunday, December 22, 2024

Titnieda l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis ħabbar it-tnedija tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva.

L-għan ta’ din il-kummissjoni hu li tgħin lill-Gvern biex ifassal it-tieni Politika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva.

Il-membri fi ħdan din il-Kummissjoni huma:

Profs. Marvin Formosa (Chairperson)

Dr Josianne Cutajar

Dr Renzo De Gabriele

Dr Brian Farrugia

Is-Sur Mario Caruana

Is-Sur Philip Chircop

Is-Sa Silvana Civelli

Is-Sur Lian Pace

Waqt laqgħa uffiċjali mal-Professur Marvin Formosa, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li t-tieni Politika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva hija turija ċara ta’ kemm il-Gvern irid ikompli jislet viżjoni li sservi ta’ katalista għal livell ta’ għajxien iżjed pożittiv u produttiv iżjed tard fil-ħajja. “Din il-politika sseddaq ukoll il-mandat tal-Gvern biex mhux sempliċiment iżid is-snin għall-ħajja, iżda li fl-istess nifs iżid ukoll il-ħajja mas-snin”, qal is-Segretarju Parlamentari. Hu kompla jgħid li l-Gvern huwa kommess li jkompli jimplimenta strateġiji li jkomplu jtejbu l-benessere u se jkompli jaħdem bis-sħiħ biex ikollna soċjetà msejsa fuq il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis għalaq billi rringrazzja lill-membri kollha f’din il-Kummissjoni u awguralhom il-ħidma t-tajba.

Il-Professur Marvin Formosa qal li l-istrateġija ta’ din il-Kummissjoni se tkun imsejsa fuq 3 prinċipji ewlenin:

  • Il-parteċipazzjoni attiva fl-ambjent tax-xogħol.
  • Il-parteċipazzjoni fis-soċjetà.
  • L-għajxien indipendenti fil-komunità.

Il-Professur Formosa qal ukoll li t-tħejjija u l-finalizzazzjoni ta’ din il-politika strateġika nazzjonali se tiskatta proċess progressiv fil-politika lokali dwar l-anzjanità.

Ekonomija

Sport