Tnediet il-webapp ParksInMalta, li se tipprovdi servizz ġdid u informattiv dwar fejn jinsabu l-ispazji miftuħa fil-gżejjer Maltin. Din il-webapp għandha l-għan li minnha jgawdu l-Maltin u l-Għawdxin billi tagħtik direzzjoni lejn l-ispazju miftuħ li wieħed ikun irid imur fih. B’hekk, f’temp ta’ ftit sekondi, in-nies se jkollhom aċċess għal aktar minn 200 spazju ta’ rikreazzjoni – ġonna, parks u bandli – spazji fejn jistgħu jagħżlu biex jgħaddu l-ħin ta’ rilassament tagħhom.
It-tnedija ta’ din il-webapp saret waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministri Miriam Dalli u Jo Etienne Abela f’Wied Inċita, spazju aħdar ta’ 20,000 metru kwadru li nfetaħ lejn tmiem is-sena li għaddiet. Dan il-park se jkun qed jiġi estiż b’7,000 metru kwadru ieħor u fil-fatt għaddej ix-xogħol bħalissa fuq din it-tieni fażi tal-proġett. Dan huwa wieħed mis-60 proġett li l-Ministeru tal-Ambjent lesta fi żmien tliet snin.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli qalet li: “grazzi għal din il-webapp, jekk tridx tmur bil-mixi, bir-rota, bil-karozza jew taqbad tal-linja, issa tista’ tfittex fejn jinsabu dawn l-ispazji kollha u permezz ta’ mappa diġitali, tasal f’dawn il-postijiet”.
Spjegat kif b’din l-għodda diġitali “se nkunu qed inqarrbu lin-nies lejn proġetti ambjentali li wettaqna u se nkomplu nwettqu.” Barra minn hekk, din il-webapp tagħti wkoll il-possibiltà lin-nies jirrapportaw kwalunkwe kwistjoni li jistgħu jiltaqgħu magħha f’dawn l-ispazji miftuħa.
Il-Ministru Dalli qalet ukoll li bħalissa qed issir ħidma fuq aktar minn 30 proġett ambjentali – f’lokalitajiet differenti. Mill-Birgu sa Għajnsielem f’Għawdex, minn San Pawl il-Baħar sa Birżebbuġa. Barra minn hekk, qed issir ħidma biex iż-żoni ħodor li għandna jkomplu jissebħu b’manutenzjoni xierqa u tħawwil ta’ siġar. Fil-ġimgħat li ġejjin se jitlestew aktar proġetti fosthom f’Raħal Ġdid, Pembroke u l-Mosta.
Il-Ministru Dalli spjegat ukoll kif Budget 2026 qed jalloka l-akbar vot kapitali li qatt ingħata lill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — allokazzjoni ta’ €275 miljun. “Dan ifisser żieda ta’ 26% fi żmien sentejn. Madwarna Gvernijiet differenti qed ikollhom jaqtgħu l-investiment fl-ambjent. B’differenza, f’pajjiżna għandna ekonomija b’saħħitha li tħallina nkomplu ninvestu.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif spazji miftuħa huma neċessarji u kruċjali għall-benesseri mentali. Tenna kif il-Gvern impenjat li jkomplu jwassal aktar għarfien dwar il-prevenzjoni biex inkomplu nibnu kuxjenza u reżiljenza. “Illum qegħdin hawn f’ambjent u spazju aħdar. Hi l-mira tagħna li nkomplu ninvestu fil-kura fil-qalba tal-komunità fejn in-nies jistgħu jsibu l-għajnuna meħtieġa ftit passi ’l bogħod mid-dar tagħhom”, saħaq il-Ministru Abela.
Il-Ministru Abela għamel referenza wkoll għal dak imħabbar fil-Budget 2026, li ser ikompli l-investiment fil-kura u l-prevenzjoni permezz ta’ tliet Ċentri f’Malta li joffru kura għas-saħħa mentali fil-komunità. “Ekonomija b’saħħitha hija kruċjali biex isir aktar investiment fis-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minnha. Bħala Gvern kommessi li nkomplu naħdmu biex noffru l-aħjar kura lill-familji tagħna u lil uliedna”, temm jgħid Dr Abela.
Għal aktar dettalji u biex tesplora l-ispazji miftuħa f’Malta u Għawdex, żur il-website uffiċjali ta’ Parks in Malta fuq https://parksinmalta.mt/.

