Saturday, November 23, 2024

Titnieda leġiżlazzjoni ġdida dwar l-użu tal-monitoraġġ elettroniku

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri nieda leġiżlazzjoni ġdida dwar l-użu tal-monitoraġġ elettroniku li hija verżjoni aħjar ta’ dak li kien diġà ġie ppreżentat f’Mejju li għadda u li tipproteġi aktar lill-vittmi. Dan seta’ jsir wara konsultazzjoni vasta.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Camilleri qal li meta telqu bil-ħsieb tal-monitoraġġ elettroniku kellhom quddiemhom żewġ għanijiet: l-ewwel waħda tkun li jingħata serħan tal-moħħ lill-komunità u b’mod speċjali lill-vittmi. It-tieni waħda hija li għodda moderna bħalma hija din kif tista’ sservi biex tassisti fir-rijabilitazzjoni ta’ ċertu persuni li jkunu għamlu żball f’ħajjithom.

Qal li l-proposta li qed jgħaddu llum taħdem fuq tliet xenarji: monitoraġġ elettroniku li tkun b’ordni tal-Qorti, monitoraġġ elettroniku li tintuża fil-probation parole u t-tielet waħda l-monitoraġġ elettroniku li tintuża fil-prison leave.

Dwar l-ewwel xenarju l-Ministru Camilleri qal li l-ħsieb wara din il-liġi hija li jkollna piena alternattiva. Din il-piena tkun tista’ tiġi ordnata mill-qorti f’dawk l-atti kriminali jew kontravenzjonijiiet meqjusa bħala minuri u allura dawk il-persuni li forsi huma l-inqas ta’ theddida għas-soċjetà.

Il-moniteraġġ elettroniku tapplika għal piena ta’ priġunerija effettiva ta’ mhux aktar minn sena u diment li r-reat imwettaq ma jkunx suġġett għal aktar minn piena massima ta’ sentejn priġunerija. 

Il-Ministru spjega l-aspett rijabilitattiv tal-proposta fejn il-persuna, minflok is-sentenza ta’ sena jew inqas issir fil-Faċilità Korrettiva, din tista’ issir id-dar jew f’post ieħor bi qbil mal-Qorti. 

Wara l-konsultazzjoni pubblika kontinwa nħasset il-ħtieġa li Ordni ta’ Moniteraġġ Elettroniku tkun tista’ tinħareġ wkoll f’każ ta’ Ordni ta’ Trażżin, Garanzija, Ordni ta’ Protezzjoni u Ordni ta’ Protezzjoni Temporanja. F’dawn il-każijiet b’differenza għall-bqiija tal-każijiet, il-kunsens tal-persuna ikkonċernata ma jkunx meħtieġ.

Moniteraġġ eletroniku mhux se jkun jgħodd jekk ir-reat ikun in konnessjoni ma’ vjolenza domestika; vjolenza abbażi tal-ġeneru; każijiet fejn l-individwu jkun reġistrat fir-reġistru skont artikolu 3 tal-Att dwar ir-reġistrazzjoni għall-protezzjoni tal-minuri; f’każijiet fejn l-obbligazzjoni ta’ manteniment b’ordni tal-qorti jew kuntratt ma nżammietx; f’każijiet fejn ma nżammietx ordni ta’ Qorti jew kuntratt dwar aċċess għall-ulied. Il-Ministru qal li dehrilhom li għandhom jeskluduhom għax jaħsbu li s-soċjetà tħares lejn dawn l-atti bħala koroh wisq.

Waqt il-konferenza ġie spjegat x’jiġri dwar ksur ta’ regolii. Jekk persuna tinqabad tinterferixxi mal-apparat bi kwalunkwe mod dak qed jitqies bħala reat minnu nnifsu. 

F’każ li l-persuna kkonċernata ma tkunx tista’ tiġi kkuntattjata mill-Awtorità Kompetenti, jew inkella jkun suspettat li l-persuna tkun qed tikser xi regolamenti, jista’ jsir l-arrest tal-individwu mingħajr mandat mill-Maġistrat jew jekk jinqabad ikun jista’ jittieħed il-ħabs mill-Uffiċjali tas-Servizzi Korrettivi. 

Il-Ministru Camilleri qal: “Nemmen li se naslu għal sistema li toffri aktar sigurtà lill-komunitajiet tagħna u aktar serħan tal-moħħ lill-vittmi. Sistema li se tgħin żgur aktar fir-rijabilitazzjoni tal-persuni speċjalment ta’ dawk li l-ħażin li jkunu għamlu jkun meqjus bħala wieħed minuri.”

Żied jgħid: “Fl-istess ħin rajna li d-deterrent jibqa’ hemmhekk imbagħad nagħtu ċ-ċans li jirribijaliititaw ruħhom. fl-aħħar mill-aħħar is-soċjetà tgawdi għax ikollha aktar persuni fi ħdanha li kellhom iċ-ċans li jirrijabilitaw ruħhom. Nibqgħu kommessi li nwettqu aktar tibdil anke permezz tal-użu tat-teknoloġija kif qed jagħmlu issa.”

Sport