Permezz tal-Kummissjoni Maltija għall-Films, flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, ġiet introdotta Screen Malta. L-għan ta’ Screen Malta huwa sabiex jinħolqu metodi ġodda għall-iffinanzjar ta’ produzzjonijiet lokali b’baġit annwali ta’ €600,000. Screen Malta se tkun qed toffri opportunità lill-industrija tal-films lokali biex tkompli tikber.
Dan il-fond mistenni jieħu in konsiderazzjoni proġetti li jistgħu jsaħħu aspetti varji ekonomiċi f’ pajjiżna, filwaqt li jkun hemm għajnuna diretta lokalment f’din l-industrija indiġena, bl-għan li jimxi l-quddiem l-investiment tal-produtturi lokali lejn dan il-proġett nazzjonali. Din hija inizjattiva li għall-ewwel darba ser tkun miftuħa kemm għall-produzzjonijiet ta’ films kif ukoll tat-televiżjoni, li jinkludu dramas u dokumentarji, fost oħrajn.
Screen Malta ser tieħu in konsiderazzjoni l-element ta’ kreattività, dak kulturali, l-aspett ekonomiku u l-iżvilupp tal-ħiliet fil-produzzjonijiet awdjo-viżivi, bl-għan li jkun hemm sostenn u trawwim fl-impjiegi ta’ dan is-settur.
Il-Kummisjoni Maltija għall-Films se tkun qed issegwi fejn qed iwasslu dawn il-produzzjonijiet fuq livell kummerċjali, partikolarment fejn tidħol distribuzzjoni, kemm lokalment u kif ukoll internazzjonalment, għal skopijiet teatrali, festivals u xandiriet televiżivi.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli saħqet kemm huwa importanti li ninvestu fit-talent u l-ħiliet Maltin u spjegat kif din l-inizjattiva ġdida b’investiment ta’ €600,000 fis-sena mistennija tiftaħ il-bibien lil numru ta’ produtturi lokali biex ikomplu jikbru u javvanzaw mhux biss lokalment, iżda wkoll internazzjonalment.
Il-Kummissarju tal-Films f’Malta Johann Grech qal li l-Kummissjoni tal-Films bl-iskema Screen Malta ser tkompli tinvesti fl-industrija lokali u tgħin il-produtturi Maltin jimirħu u jikbru fil-produzzjonijiet tagħhom. Is-Sur Grech saħaq li, billi għall-ewwel darba din l-iskema ser tgħin produzzjonijiet sabiex jistgħu jiġu ffinanzjati mija fil-mija, produzzjonijiet lokali ser ikollhom bażi aħjar biex jirnexxu f’din l-industrija.
L-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-aħħar ta’ Settembru 2020 u jistgħu jiġu aċċessati mis-sit www.maltafilmcommission.com.