Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-outdoor gym fil-Pjazza tal-Mitħna ta’ Kola, fix-Xagħra, li kien iffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex, il-Ministru Clint Camilleri qal li permezz tad-Direttorat ta’ EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex qed titnieda skema ta’ assistenza biex tgħin lill-kunsilli lokali f’Għawdex jidentifikaw sit fil-lokalità rispettiva tagħhom sabiex jiżviluppaw u jwaqqfu gym fil-beraħ – outdoor gym jew fitness zone. Dan kollu qed isir bħala parti mill-European Mobility Week li bdiet mis-16 u tibqa’ sejra sat-22 ta’ Settembru.
Il-Ministru Camilleri stqarr li permezz ta’ din l-iskema, il-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jagħti għajnuna lil kull kunsill lokali sa massimu ta’ €5,000 jew 85% tal-ispiża sabiex il-kunsilli lokali Għawdxin jinvestu f’open gyms skont l-istandards lokali u Ewropej kollha li jirregolaw dan it-tip ta’ open gyms jew żoni ta’ fitness. Huwa kompla jgħid li, filwaqt li l-Ministeru huwa konxju li bosta gyms reġgħu fetħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku, għad hemm nies li anke minħabba l-kuntest ukoll tal-pandemija, għadhom jiffrekwentaw parks pubbliċi b’tagħmir mhux daqstant adegwat għall-workouts tagħhom.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li, “Kulħadd jaf kemm l-eżerċizzju huwa importanti, u din l-inizjattiva se tkun qed tgħin sabiex Għawdex ikollu iktar spazji miftuħin pubbliċi u open gyms jew fitness zones mgħammra tajjeb fejn in-nies ta’ kull età jistgħu jagħmlu l-eżerċizzju ta’ kuljum tagħhom.” Dan filwaqt li ħeġġeġ il-kunsilli lokali kollha li għad m’għandhomx outdoor gyms sabiex jieħdu l-opportunità u japplikaw għal din l-iskema li fl-aħħar mill-aħħar se jgawdu minnha r-residenti fil-lokalitajiet u l-Għawdxin kollha.
Il-kunsilli lokali ser ikunu qegħdin jirċievu l-applikazzjoni fil-jiem li ġejjin mid-direttorat EkoGħawdex sabiex ikunu jistgħu japplikaw għal din l-iskema.