Tuesday, September 24, 2024

“Ma jistax ikun li l-anzjan biss jagħmel is-sagrifiċċju” – Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub Minn Claudio Coleiro

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis iddikjara li ma jistax ikun li l-anzjan biss jagħmel is-sagrifiċċji tiegħu imma hemm bżonn ta’ dixxiplina anke minn min jaħdem mal-anzjani. 

Huwa sostna dan f’kummenti li għadda lil inewsmalta b’rabta mal-protokolli ġodda li daħlu fis-seħħ fid-djar tal-anzjani fid-dawl taż-żieda fl-ammont ta’ każi reġistrati ta’ Covid-19 fl-aħħar jiem f’dawn id-djar.

Fost affarijiet oħra, il-protokolli jitolbu li l-istaff u r-residenti jiġu swabbed b’mod frekwenti filwaqt li darbtejn kuljum tittieħed it-temperatura lil kull membru tal-istaff u li l-ħaddiema f’dawn id-djar ikunu responsabbli fil-ħajja privata tagħhom. 

Is-Segretarju Parlamentari Parnis enfasizza li huwa importanti ħafna li l-carers li jkunu qed jaħdmu fid-djar tal-anzjani jkollhom sens ta’ dixxiplina billi għandhom jilbsu l-maskri u jkollhom ħwejjeġ protettiv biex ikun evitat it-tixrid tal-virus. 

Huwa semma kif l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA) se tkun qiegħda ddur fid-djar tal-anzjani biex tara li dawn il-protokolli li għadhom kif ġew imnedija jkunu qegħdin jiġu segwiti. 

“Dak li qed nagħmlu, qed nagħmlu għall-ġid tal-anzjani tagħna. Din hija sfida li qatt id-dinja m’għaddiet minnha. Mhux pjaċir tagħna li l-familjari ma jarawx l-anzjani imma  hekk hemm bżonn biex nevitaw il-virus,” qal is-Segretarju Parlamentari Parnis. 

Huwa żied jinnota b’sodisfazzjon kif ir-residenti fis-Simblija Care Home li kien hemm pożittivi għall-Covid-19 fiequ biex issa din id-dar hija ħielsa mill-virus u li dan kien dovut għall-ħidma li saret mill-istaff flimkien mal-SCSA. 

Mill-banda l-oħra, huwa qal li l-każijiet pożittivi f’Casa Antonia jidhru li huma stabbli waqt li f’Dar San Ġużepp il-Fgura, fejn hemm l-akbar ammont ta’ każi, il-parti l-kbira tagħhom ma kellhomx sintomi.

“Aħna rridu naraw kif ikollna inizjattivi oħrajn biex kemm jista’ jkun innaqqsu milli jidħol il-Covid-19 fid-djar tal-anzjani. Mhux x’tagħmel meta jidħol imma kif se tagħmel biex ma jidħolx,” tenna s-Segretarju Parlamentari Parnis. 

Sport