Sunday, December 22, 2024

Titnieda skema intiża biex iż-żgħażagħ jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol dan is-sajf

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-‘Work Trial Scheme For Youths’.

Din l-iskema hi intiża għaż-żgħażagħ biex dan is-sajf ikollhom opportunità jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol ma’ entitajiet privati jew għaqdiet volontarji.

Il-‘Work Trial Scheme for Youths’ hi skema mmirata wkoll li tgħin liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-20 sena fl-għażla tal-karriera tagħhom.

Dawn iż-żgħażagħ se jkollhom l-opportunità jidħlu u jesploraw id-dinja tax-xogħol, biex b’hekk jiksbu l-esperjenza neċessarja għall-futur tagħhom.

Il-Ministru Clint Camilleri qal li l-gvern, apparti li qed jinvesti ħafna fiż-żgħażagħ fejn qed joffri diversi opportunitajiet, qiegħed ukoll jagħti widen u jilqa’ s-suġġerimenti u l-messaġġ b’saħħtu li qed tgħaddi din il-faxxa hekk importanti fis-soċjetà tagħna.

Il-ministru semma wkoll li kull ma jmur, id-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’mod drastiku, u llum il-ġurnata qed nisimgħu b’karrieri li huma totalment ġodda u ‘l bogħod minn dawk hekk imsejħa tradizzjonali u għalhekk jeħtieġ li l-istudenti, li ser ikunu l-ħaddiema ta’ għada, ikunu mħarrġa u mgħarrfa bl-opportunitajiet kbar li jeżistu.

Permezz ta’ din l-iskema, l-istudenti se jkollhom dħul ta’ €90 fil-ġimgħa, b’total ta’ €450 f’ħames ġimgħat. 

Il-ministeru se jkun qed iħallas lil min iħaddem sa 20 siegħa fil-ġimgħa, imbagħad min iħaddem jista’ jagħżel li jagħti inċentiv lil dawn iż-żgħażagħ u jkompli jħaddimhom jew iżidilhom is-sigħat.

L-iskema ser tkun mifruxa fuq ħames ġimgħat bjen l-1 ta’ Awwissu u t-2 ta’ Settembru.

L-applikazzjonijiet jiftħu min nhar it-Tnejn 4 ta’ Lulju u jagħlqu f’nofsinhar ta’ nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Lulju 2022.

L-applikazzjoni u informazzjoni oħra huma disponibbli online minn fuq is-sit www.mgoz.gov.mt jew mill-mobile app ‘mygozo’.

Ekonomija

Sport