Saturday, November 23, 2024

TITQIBA

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn ALFRED SANT

Jekk il-vaċċin li eventwalment se jintuża kontra l-imxija tal-corona virus jingħata bl-istess mod bħal dak tal-influwenza, x’aktarx li tassew malli jasal fuq “is-suq”, ikun jista’ jingħata malajr malajr lil miljuni ta’ nies. 

It-titqiba tal-influwenza li ħadt dan l-aħħar mit-tagħbija l-ġdida li għadha kemm waslet bilkemm tinħass u malajr tkun lesta. Il-kju żgħir li nġema’ fil-ħin li mort nittaqqab (imma kien il-Ħadd) malajr ingħata s-servizz.

Dan l-aspett tat-titqiba kontra l-Covid-19 jista’ jkun ta’ importanza kruċjali. Il-ħeffa fit-tħaddim tal-vaċċin u l-istess faċilità tat-titqiba jinkoraġġixu dejjem aktar nies ilestu biex jittaqbu u jkattar fost il-popli sentiment ta’ kuraġġ u ottimiżmu li sar meħtieġ ħafna.

Iservu wkoll biex jemarġinaw lil dawk il-boloh… fosthom il-president tal-Brażil Bolsonaro… li jitilqu jippriedkaw biex in-nies ma tittaqqabx. 

Bolsonaro mhux se jkun l-uniku wieħed b’dan il-parir stupidu. Talanqas Donald Trump sa dak iż-żmien ikun ħalla d-Dar il-Bajda (x’aktarx…)

MIN SEJJER LURA

Fil-qasam edukattiv – fl-iskejjel sekondarji u qabilhom – kienu t-tfal u ż-żgħażagħ minn familji bl-anqas qligħ li l-aktar intlaqtu ħażin mill-miżuri li ttieħdu biex jilqgħu għall-effetti tal-pandemija. Fosthom li hemm l-akbar assentejiżmu u l-akbar problemi biex it-tagħlim mogħti mill-bogħod bl-internet jiġi segwit u jiftiehem.

  Aktar minn hekk, hemm konċentrament ta’ każi minn dawn f’żoni tal-pajjiż li huma mmarkati sew. Anke dwar dan forsi ma setax kien hemm wisq sorpiża.

Biss jeħtieġ issa li l-awtoritajiet edukattivi jaraw kif se jinstab rimedju għal dil-problema.

Żgur ma jkunx sew jekk ħtija tal-pandemija, il-qagħda edukattiva ta’ min diġà jinsab f’diffikultajiet, titħalla teħżien.

DISKUSSJONI DWAR L-MFF

Stramba kif tiddomina laqta waħda ta’ ħsieb kważi f’kull diskussjoni dwar l-MFF – il-programm tal-Unjoni Ewropea fejn, wara ftehim bejn il-membri, jitpoġġew il-linji ta’ nefqa u dħul għas-seba’ snin li jmis. Kif u fuq hiex se jintefqu/għandhom jintefqu l-flus?

Veru li did-darba daħlet ukoll diskussjoni dwar sorsi ġodda ta’ dħul permezz ta’ taxxi ġodda li timponi l-Unjoni Ewropea fuq kulħadd.

Biss xorta, l-aqwa ħsieb ingħata fuq liema proġetti se jkollhom l-aktar fondi. Kull pajjiż għamel ħafna mill-kalkoli tiegħu skont kemm se jirċievi fondi.

Ħafna nies jaħsbu li l-pajjiż jingħata daqstant fondi u m’hemmx bżonn ta’ aktar diskussjoni. Ftit jibbilanċjaw dak li nirċievu ma’ dak li nkunu ħallasna. 

U għax l-Unjoni ma tistax tilqa’ għad-deficits li tagħmel billi tissellef, huma l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri li jsostnu l-ħruġ.

Uħud żgur jieħdu qatgħa meta jqabblu dak li pajjiżhom qed jirċievi, ma’ dak li jħallas fil-baġit tal-Unjoni Ewropea. 

Sport