Monday, May 13, 2024

“Tkunux injoranti bħali”

Aqra wkoll

Raġel jitlef lil martu minħabba l-Covid-19… ma ħadux prekawzjonijiet għax ma emmnux li l-virus jeżisti!

Minn Carmen Cachia

Mhix l-ewwel darba li tisma’ lil xi ħadd jgħid li l-Covid-19 ma jeżistix. Li jgħidu li l-virus huwa ingann politiku għal skopijiet ekonomiċi jew inkella xi tip ta’ attakk fuq il-popolazzjoni dinjija. Dawn it-tip ta’ għajdut joħorġu minn dak li nsejħulhom teoriji ta’ konspirazzjoni (conspiracy theories) ideat li dejjem għandhom argument jew raġunament totalment differenti minn dak li l-awtoritajiet jgħidu u dak li l-massa taħseb. Waħda minn dawn it-teoriji  qiegħda tiċċirkola dwar il-pandemija li ninsabu fiha tal-Covid-19 tant li ammont konsiderevoli ta’ nies m’humiex jimxu mal-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa. Din il-mentalità ġiet imħaddna wkoll minn koppja Amerikana bil-konsegwenza li mardu bil-Covid-19 u l-mara tilfet il-battalja għal ħajjitha kontra dan il-virus.

Ir-raġel tagħha, sewwieq tat-taxis irrealizza li l-pandemija li qegħdin fiha hija reali wara li tilef lill-għażiża martu u issa jinsab imnikket talli bela’ l-gideb fuq l-Internet u ma semax mit-twissijiet maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

Għajdut online perikolużi…

Brian Lee Hitchens u martu Erin kienu emmnu għajdut online li l-virus kien gidba marbuta jew mal-kontroversjal tal-5G jew inkella li kienet marda ħafifa simili għall-influwenza. Il-koppja ma tawx każ l-avviżi tal-gvern u ma fittxux għajnuna medika meta ġew infettati f’Mejju li għadda. Brian, li għandu 46 sena rkupra mill-Covid-19 mentri martu kellha kumplikazzjonijiet f’qalbha minħabba l-virus u mietet f’dan ix-xahar.

Brian tkellem mal-BBC f’Lulju li għadda bħala parti mill-investigazzjoni dwar il-konsegwenzi fuq il-ħajjiet ikkawżati minn informazzjoni ħażina jew qarrieqa. F’dan il-perjodu l-mara tiegħu kienet taħt kura intensiva u bil-ventilatur fi sptar.

Erin, li kienet pastor fi Florida, kellha diġà kundizzjonijiet ulterjuri tas-saħħa – ażma u diżordni fl-irqad. Ir-raġel tagħha spjega kif huma ma kienux jimxu mal-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa fil-bidu tal-pandemija minħabba rapporti żbaljati li qraw online. Huwa qal li bħala sewwieq tat-taxis kien imur iġib il-mediċini għal martu mingħajr ma jagħti kas tal-periklu mill-pandemija. Fil-fatt huwa stqarr li f’dak il-perjodu la kien jilbes maskra u lanqas kien josserva r-regola tad-distanza soċjali.

Huma wkoll naqsu milli jkellmu tabib meta ġew infettati u r-raġel stqarr mal-BBC li, “nixtieq li obdejt mill-bidu tal-pandemija u nispera li marti taħfirli. Dan huwa virus reali li jaffettwa lin-nies b’modi differenti. Ma nistax inbiddel il-passat. Nista’ biss ngħix illum u nagħmel għażliet aħjar fil-futur”. 

Brian qal li martu m’għadhiex tbati u issa tinsab fil-paċi. Huwa stqarr li jħoss ħafna n-nuqqas tagħha imma jaf li qiegħda f’post aħjar. L-iżball tagħhom kien li jemmnu t-teoriji ta’ konspirazzjoni fuq il-Facebook fejn sostna li, “jekk toħorġu barra, użaw moħħkom u tkunux injoranti bħali, ħalli ma jiġrilkomx li ġara lili u lil marti”.

Jiċħdu l-Covid-19 għax iħossuhom bla kontroll tas-sitwazzjoni…

Studju li sar fuq skala mondjali sab li numru konsiderevoli u inkwetanti ta’ persuni madwar id-dinja jemmnu li l-Covid-19 huwa marda li nħolqot apposta, li qatel inqas nies milli qiegħed jiġi rrapportat, li huwa gidba u li fil-verità saħansitra li dan il-virus ma jeżistix.

L-aktar ħaġa li n-nies m’humiex qegħdin jemmnu huwa n-numru ta’ kemm persuni mietu minħabba l-Covid-19 li skont l-Università ta’ Johns Hopkins s’issa telgħu għal kważi 1.1 miljun persuna minn madwar id-dinja kollha. Kważi 60% ta’ dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ fin-Niġerja jħossu li dan l-ammont huwa definittivament jew probabbilment veru, mentri fil-Ġreċja, l-Afrika t’Isfel, il-Polonja u l-Messiku dan il-perċentwal kien ta’ madwar 40%; l-Amerikani 38%, l-Ungeriżi 36%; 30% it-Taljani u 28% tal-Ġermaniżi. 

Fost pajjiżi oħra bejn wieħed u ieħor, wieħed minn kull erba’ Franċiżi u wieħed minn kull ħames Ingliżi u Spanjoli jemmnu li r-rata tal-vittmi tal-virus ġiet esaġerata mentri l-Awstraljani, l-Isvediżi u l-Ġappuniżi ma jemmnux daqstant li dan huwa l-każ. Barra minnhekk, mill-inqas persuna minn kull ħamsa li pparteċipaw fl-istħarriġ, esprimew tħassib dwar it-tilqima kontra l-Coronavirus.

Tobba u esperti madwar id-dinja wissew dwar il-perikli li informazzjoni żbaljata bħal din jista’ jkollha fuq in-nies. Iżda, dawn it-teoriji li jqajjmu dubji fuq diversi temi, saru “moda” perikoluża u dejjem qegħdin jiżdiedu fil-popolarità tagħhom. Issa, it-tixrid ta’ informazzjoni żbaljata, anke qiegħda tidħol fil-qasam tat-tilqim fejn gruppi ta’ nies qegħdin ibeżżgħu lil ħaddieħor permezz ta’ informazzjoni żbaljata li jista’ jkollha konsegwenzi serji għal dawk li jimxu magħhom.

Stephan Lewandowsky, psikologu fl-Università ta’ Bristol li huwa espert fuq l-informazzjoni żbaljata qal li kull avveniment li jbeżża’ lin-nies, fosthom pandemija jew sparatura fuq il-massa, jiċħad lin-nies milli jkunu fil-kontroll tas-sitwazzjoni u jwassal għal teoriji ta’ konspirazzjoni. 

“Dawn it-tip ta’ teoriji tagħti lin-nies sens ta’ komfort psikoloġiku kif ukoll sensazzjon li mhumiex se jisfgħu vittmi ta’ sitwazzjoni inċerta u mhux mistennija. Dawn it-tip ta’ teoriji huma perikolużi dejjem iżda huma ħafna aktar f’pandemija jekk dawn iwasslu biex in-nies jinjoraw il-pariri tal-awtoritajiet, jew jagħmlu atti vandali, jew azzjonijiet vjolenti,” sostna Lewandowsky.

Figuri oħra f’dan l-istudju jaraw il-perċentwali dwar it-teoriji ta’ konspirazzjoni kollha li hemm dwar il-Covid-19 u li huwa żgur, li ħafna nies minn soċjetajiet u livelli ta’ edukazzjoni differenti, qegħdin “jaqgħu” għal dawn l-għajdut u infomazzjoni żbaljata.

Pazjenti tal-Covid-19 jiddaħħlu fl-isptar u jibqgħu ma jemmnux!

Infermieri qegħdin iħossuhom iddisprati minħabba li qegħdin jippruvaw jikkuraw pazjenti li jibqgħu jiċħdu r-realtà li ninsabu fiha bħalissa minħabba l-Coronavirus. Karina Molina, infermiera li taħdem fid-dipartiment tal-emerġenza fl-Università ta’ Kentucky, f’intervista qalet li ma tistax temmen kif għad hemm nies li ma jemmnux li l-Covid-19 huwa reali u dan anke jekk l-istess nies jiddaħħlu għall-kura fl-isptar minħabba virus.

Molina, oriġinarjament minn Texas, qalet li x-xogħol tagħha, minn mindu bdiet it-tielet mewġa tal-Covid-19, sar wieħed verament stressanti. Il-ġimgħa l-oħra Kentucky irrapporta aktar minn 20,000 każ ta’ Covid-19 biex it-total tela’ għal 160,000 persuna infettati. Dan huwa wieħed mill-ħafna stati li għandhom l-isptarijiet mimlija aktar minn 70% ta’ kemm jiflaħ fih.

Hija tistqarr li għandhom ħafna stress għall-fatt li minkejja li xi pazjenti jkunu qegħdin jiġġieldu għal ħajjithom fl-isptar, dawn xorta waħda jisħqu li l-virus huwa ingann. “Aħna nippruvaw kemm-il darba ngħidulhom iżda l-pazjenti jakkużawna li ridu flushom, jew li għamilnielhom it-test ħażin. Hemm min jibqa’ jirrifjuta li jiddaħħal f’unit apposta tal-Covid-19 u jisħqu li m’humiex infettati bih,” stqarret din l-infermiera.

L-istess sitwazzjoni qiegħed jiffaċċja Dr Thomas Benzoni f’Iowa fejn jemmen li parti mit-tort li l-firxa tal-virus qiegħda dejjem tiżdied, hija proprju ta’ dawn in-nies li ma jemmnux li l-Covid-19 huwa reali. “Hija ġennata li n-nies jistgħu jipprevjenu u xorta jagħżlu li jinjoraw. Qisu għandek infezzjoni u ma tieħux l-antibijotiċi għaliha. Dan ma jagħmilx sens,” sostna dan it-tabib. 

Għal tobba bħal Benzoni u infermieri bħal Molina, it-teoriji tal-konsiprazzjoni huma ta’ periklu kbir f’theddida serja bħalma hija din il-pandemija. Ħafna nies, il-kollegi tagħhom, jekk mhux huma wkoll, se jkomplu jimirdu bih u wħud minnhom, sfortunatament, jistgħu anke jmutu. Dan kollu minħabba li n-nies qegħdin jagħżlu liberalment li jemmnu informazzjoni żbaljata.

Sport