Tuesday, September 24, 2024

Tittella’ mill-baħar l-ankra tal-Chem P biex ix-xahar li ġej jibdew it-tiswijiet fuq l-interconnector

Aqra wkoll

F’operazzjoni li ħadet aktar minn tmien sigħat ittellgħet minn qiegħ il-baħar l-ankra flimkien ma tunnellati ta’ katina li f’Marzu li għadda għamlet ħsara fuq l-interconnector tal-Enemalta.

L-operazzjoni tal-lum kienet kordinata mill-Enemalta u saret bi tħejjija biex ix-xahar id-dieħel ikunu jistgħu jibdew it-tiswijiet fuq l-interconnector. Fiha ħadu sehem bugħaddasa u inġenji tal-baħar  attrezzati għal xogħol bħal dan.

L-ankra kienet inqabdet mal-interconnector meta it-tanker Chem P kien għoddu inkalja f’Baħar ic-Cagħaq waqt maltempata li ħakmet il-gżejjer Maltin fid-19 ta’ Marzu.

Waqt li għaddejjin proċeduri għad-danni fil-qrati Maltin u barranin kontra tas-sidien tal-vapur, l-Enemalta fl-aħħar xhur għamlet pjan ta’ azzjoni biex l-ankra tittella bil-galbu biex ma issirx aktar ħsara fl-interconnector. Il-pjan beda jitwettaq dalgħodu anke għaliex l-Enemalta ħasbet biex dax-xogħol issir waqt id-domanda tal-elettriku ma tkunx fl-aqwa tagħha peress li ma tkunx tista’ tuża l-interconnector.

Waqt l-operazzjoni ta’ dalgħodu l-interconnector ġie mitfi bejn it-8.20 u 12.15 biex ma jkunx hemm periklu għal bugħaddasa. Waqt li sar dan, il-provvista tal-elettriku għal pajjiż kollu ma ġietx affettwata għax kienet moqdija minn sorsi lokali tal-ġenerazzjoni tal-elettriku.

L-interconnector reġa’ nxtegħel wara li bugħaddasa reġgħu għamlu spezzjoni viżwali tal-parti tal-interconnector li kienet affettwata mill-ankra.

Sport