Tittella’ ‘Talenti b’Għożża’: wirja artistika li tagħti spazju lit-talenti u l-kreattività tal-persuni anzjani

Aqra wkoll

Tnediet il-wirja artistika ‘Talenti b’Għożża’, inizjattiva tal-Awtorità għall-Istandards tal-Persuni Anzjani (OPSA) li qed tagħti spazju lit-talenti u l-kreattività ta’ persuni anzjani li jgħixu f’residenzi madwar Malta u Għawdex.

L-inizjattiva qed tittella’ b’rabta mal-Jum Nazzjonali ddedikat lill-Anzjani bl-għan li tqajjem aktar għarfien dwar il-ħiliet, it-talenti u l-kontribut kontinwu tal-persuni anzjani fis-soċjetà.

Bħala parti mill-proġett, l-Awtorità pprovdiet il-materjali meħtieġa lill-parteċipanti sabiex ikunu jistgħu jesprimu l-kreattività u t-talenti tagħhom permezz tal-arti. Ix-xogħlijiet li nħolqu qed jiġu ppreżentati lill-pubbliku fil-wirja ‘Talenti b’Għożża’, fejn il-viżitaturi jistgħu japprezzaw mhux biss il-ħiliet artistiċi tal-parteċipanti, iżda wkoll l-esperjenza, l-enerġija u l-kreattività tagħhom.

Waqt it-tnedija, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva, Deo Debattista, saħaq li inizjattivi bħal ‘Talenti b’Għożża’ jfakkru li l-anzjanità mhijiex biss dwar il-kura u l-appoġġ, iżda wkoll dwar il-parteċipazzjoni, il-kreattività u l-kontribut.

“Il-persuni anzjani għandhom talenti, esperjenzi, ideat u ħafna x’joffru. Irridu nkomplu noħolqu opportunitajiet fejn dawn it-talenti jingħataw l-ispazju u l-viżibilità li jixirqilhom, filwaqt li nkomplu nsaħħu anzjanità attiva li tagħti sens ta’ skop, appartenenza u kwalità ta’ ħajja,” qal Dr Debattista.

‘Talenti b’Għożża’ twassal ukoll messaġġ ta’ inklużjoni u apprezzament, filwaqt li tenfasizza l-importanza li l-persuni anzjani jibqgħu attivi, kreattivi u involuti fil-komunità.

Il-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku mit-30 ta’ Settembru sat-2 ta’ Ottubru 2026, bejn it-8:00 u l-16:00. Fit-3 ta’ Ottubru, b’rabta mal-attivitajiet tan-Notte Bianca, il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunità li jżur il-wirja sa tard filgħaxija bħala parti mill-programm kulturali fil-Belt Valletta.

Il-pubbliku huwa mistieden iżur ‘Talenti b’Għożża’ u japprezza mill-qrib il-ħidma, il-kreattività u t-talenti tal-persuni anzjani li ħadu sehem f’din l-inizjattiva.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport