L-amministrazzjoni ta’ Donald Trump qed tagħmel pressjoni biex tidderieġi aktar minn 175 miljun dollari mill-fond ewlieni tad-dipartiment tal-istat għad-drittijiet tal-bniedem għal sensiela ta’ għotjiet li jinkludu $40 miljun għal fond kontra l-komuniżmu, appoġġ għal grupp li javvanza d-drittijiet tal-bojod fl-Afrika t’Isfel, kampanja kontra l-qorti suprema tal-Brażil u programmi li jippremjaw alleati ideoloġiċi fl-Ewropa li jipproteġu “normi taċ-ċivilizzazzjoni tal-Punent”.
Nhar l-Erbgħa, id-dipartiment tal-istat Amerikan dawwar il-fondi lill-benefiċjarji sigħat qabel l-iskadenza minkejja t-tħassib tal-kungress u t-talbiet biex dan ma jsirx, skont sors familjari man-negozjati.
Id-dipartiment tal-istat irrifjuta li jikkummenta dwar mistoqsijiet mill-ġurnal The Guardian speċifikament dwar jekk kienx obbligat li jagħti l-fondi u jekk kienx naqas milli jagħti kas it-tħassib tal-Kungress dwar l-użu ta dawn il-flus.
Il-kritiċi ffukaw fuq 43 għotja b’total ta’ $178 miljun. Dawn il-flus se jsaħħu l-kawżi tal-lemin u tal-konservattivi madwar id-dinja, filwaqt li x’aktarx jirrabjaw lill-alleati tal-Istati Uniti minħabba l-indħil fil-politika interna ta pajjiżi oħra.
Il-gazzetta The Guardian rat kampjun ta’ dawn l-għotjiet kontroversjali, li jiffurmaw il-biċċa l-kbira tal-$205 miljun f’fondi allokati mill-Kungress għall-Fond għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (HRDF).
Sorsi infurmati dwar il-proċess tal-għoti ta’ dawn il-fondi qalu li membri tal-amministrazzjoni ta’ Trump għamlu pressjoni personalment favur dawn l-għotjiet. Dawn jirriflettu interessi li jinkludu t-twissijiet dwar il-kollass tal-valuri tradizzjonali tal-Punent fl-Ewropa, kif ukoll l-isforzi kontra l-immigrazzjoni u favur l-appoġġ għal minoranzi bojod f’pajjiżi bħall-Afrika t’Isfel.
L-għotjiet proposti jirrappreżentaw bidla sinifikanti fl-appoġġ tal-Istati Uniti għad-dissidenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi tas-soċjetà ċivili taħt gvernijiet awtoritarji.
Il-lista l-ġdida tinkludi proġetti f’pajjiżi sinjuri u dawk iffukati fuq l-oppożizzjoni għar-regolamentazzjoni, il-Brexit, l-immigrazzjoni, l-antikomuniżmu, il-protezzjoni Nisranija u l-oppożizzjoni għall-ideoloġija tal-ġeneru.
Il-lista toffri ħjiel dwar kif l-amministrazzjoni Trump qed tiddefinixxi mill-ġdid x’jikkwalifika bħala drittijiet tal-bniedem u jistħoqqlu għexieren ta’ miljuni ta’ dollari f’assistenza barranija mill-Istati Uniti.
“Il-Kungress approprja flus għall-fond tad-demokrazija fuq bażi mhux partiġġjana biex jappoġġja lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, biex jgħin lill-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex jippromwovi t-tkabbir tad-demokrazija” qalet Jeanne Shaheen, l-ogħla Demokratika fil-kumitat tas-Senat tal-Istati Uniti dwar ir-relazzjonijiet barranin.
Hija sostniet ukoll li l-proposti tal-amministrazzjoni Trump jużaw fondi biex jippromwovu organizzazzjonijiet u programmi tal-lemin estrem f’demokraziji stabbiliti. Dan huwa ħela ta’ riżorsi u jdgħajjef il-valuri u r-relazzjonijiet tal-Istati Uniti ma’ sħab demokratiċi, inklużi alleati fl-Ewropa.
Shaheen kienet irreżistiet l-approvazzjoni ta’ għaxar allokazzjonijiet ta’ fondi li jammontaw għal $22 miljun. Dawn il-fondi kienu maħsuba għall-Brażil, l-Afrika t’Isfel, in-Niġerja, u l-promozzjoni ta’ ideoloġija tal-lemin fir-Renju Unit u fl-Ewropa. Is-Segretarju tal-Istat Marco Rubio kien iffirma personalment memorandum biex dawk l-oġġezzjonijiet jiġu injorati u l-fondi jiġu impenjati.
