Il-GWU tiltaqa’ mal-ħaddiema tar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-UE fi Brussell

Aqra wkoll

Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi, Riccarda Darmanin, żaret Dar Malta fi Brussell, fejn iltaqgħet mal-ħaddiema tar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea.

Dawn il-ħaddiema ngħaqdu bħala membri fil-GWU u issa saret it-talba għar-rikonoxximent tal-GWU bħala r-rappreżentant tagħhom fuq il-post tax-xogħol. Talba li għaddiet għall-proċess ta’ verifika li jsir mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER).

Matul il-laqgħa, Riccarda Darmanin spjegat lill-ħaddiema l-proċess li jwassal għan-negozjar ta’ Ftehim Kollettiv, kif ukoll l-importanza u l-benefiċċji li ftehim bħal dan jista’ jġib miegħu fit-tisħiħ u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Il-laqgħa kienet ukoll opportunità biex il-GWU tisma’ direttament lill-ħaddiema dwar il-kwistjonijiet u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom. Fost il-punti ewlenin li tqajmu kien hemm il-ħtieġa li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jirriflettu aħjar ir-realtajiet u ċ-ċirkostanzi partikolari marbuta max-xogħol tagħhom fi Brussell.

Bħala parti mill-passi li jmiss, il-GWU se tibda l-proċess biex jiġi elett kumitat li jirrappreżenta lill-ħaddiema, sabiex huma stess ikollhom sehem dirett fil-proċess u r-rappreżentanti tagħhom ikunu preżenti waqt in-negozjati għal Ftehim Kollettiv.

Il-GWU se tkompli taħdem biex dawn il-ħaddiema jkollhom rappreżentanza effettiva u vuċi b’saħħitha, filwaqt li tkompli taħdem favur kundizzjonijiet tax-xogħol li jirriflettu r-realtajiet u l-ħtiġijiet tagħhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport