Christa Pike, priġuniera ta’ 50 sena fl-Istat Amerikan ta’ Tennessee li kellha tingħata l-forka nhar l-Erbgħa irnexxielha tibqa ħajja wara li salvat minn żewġ injezjonijiet letali. Hija ittieħdet l-isptar wara li qalbha baqgħet tħabbat minkejja ż-żewġ injezzjonijiet letali li ngħatawlha waqt l-eżekuzzjoni.
It-tim legali tagħha ressaq talba urġenti biex titwaqqaf l-eżekuzzjoni ta’ Pike wara li kkonfermaw li Christa Pike intilfet minn sensiha iżda bdiet tħarħar b’mod li jinstema’ filwaqt li qalbha baqgħet tħabbat.
Pike kienet ġiet ikkundannata għall-mewt fl-1996 wara li nstabet ħatja tal-qtil ta’ Colleen Slemmer, li kellha 19-il sena. Dak iż-żmien Pike kellha 18-il sena meta hi u l-għarus tagħha ta’ dak iż-żmien, Tadaryl Shipp, sawtu, ittorturaw u qatlu lil Colleen Slemmer.
Il-proċess tal-eżekuzzjoni ta’ Pike sar fir-Riverbend Maximum Security Institution f’Nashville għall-ħabta tat-8:00 ta’ filgħaxija nhar l-Erbgħa. Hija ingħatat żewġ dożi ta’ pentobarbital, iżda minkejja dan hija ma mietitx.
It-tim legali tagħa qal fi stqarrija lill-gazzetta Tennessean li l-Istat għal darb’oħra falla milli jwettaq eżekuzzjoni legali. Fil-frattemp huma ressqu mozzjoni ta’ emerġenza biex jissospendu l-eżekuzzjoni tagħha u jipprovdu kura medika wara li l-injezzjonijiet letali apparentement ma rnexxewx.
It-tentattiv lejn il-piena tal-mewt ta’ Pike kompla wara li diversi sfidi legali tal-aħħar minuta mill-avukati tagħha fallew. Il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti kienet fixklet żewġ sforzi separati biex twaqqaf l-injezzjoni letali.
Nhar l-Erbgħa, il-Qorti Suprema qalbet deċiżjoni mogħtija minn qorti inferjuri aktar kmieni fil-ġurnata, li tat pawża billi qalet li kellha bżonn aktar ħin biex tikkunsidra l-argumenti fil-każ ta’ Pike.
Dan wara li l-Qorti Suprema aktar qabel ċaħdet appell mill-avukati ta’ Pike, li kienu argumentaw li l-ġurija ma kellhiex iċ-ċans li tiżen evidenza dokumentata ta’ abbuż sesswali fit-tfulija ta’ Pike, qabel ma kkundannawha għall-mewt fl-1996.
Fil-petizzjoni għall-maħfra, l-avukati ta’ Pike qalu li kellha l-ħsieb li ssawwat lil Slemmer u mhux li toqtolha iżda li ma rnexxilhiex “tikkontrolla lilha nnifisha.”
Mill-1976 ‘l hawn, meta l-Qorti Suprema reġgħet daħħlet il-piena tal-mewt, ingħataw il-forka bis 18-il mara fl-Istati Uniti, meta mqabbla ma’ 1,663 raġel. Dan jammonta għal madwar 1% tal-eżekuzzjonijiet kollha fl-Istati Uniti.
