Malta Public Transport tħabbar servizzi speċjali għal Notte Bianca

Aqra wkoll

Malta Public Transport se tkun qed topera servizzi speċjali tal-linja għan-Notte Bianca, wieħed mill-akbar festivals tal-arti u l-kultura li se jsir nhar is-Sibt 3 ta’ Ottubru 2026 fil-Belt Valletta.

Għal darb’oħra, Malta Public Trasport se tkun qed tappoġġja dan l-avveniment billi tipprovdi firxa wiesa’ ta’ servizzi speċjali biex tiffaċilita t-trasport tal-passiġġieri lejn partijiet differenti tal-gżira, flimkien mar-rotot regolari ta’ matul il-lejl li joperaw normali ta’ kuljum.

Numru ta’ lokalitajiet popolari se jkunu servuti bi vjaġġi sa tard bil-lejl.

Is-servizzi tal-linja mill-Belt Valletta se jkunu disponibbli lejn Ta’ Sliema u San Ġiljan (Rotta N13 bi vjaġġi kull erba’ minuti), lejn Buġibba mill-Imsida, Pembroke, Baħar iċ-Ċagħaq u l-Qawra (Rotta N48 b’servizzi regolari sas-1.30am), u lejn l-Imġarr minn Birkirkara, Ħal Lija, Ħal Balzan u Mosta (Rotta S40 bl-aħħar servizz jitlaq fis-1.35am). 

Se jkun hemm ukoll vjaġġi lejn in-nofsinhar tal-pajjiż, inkluż dawk li jintemmu l-Qrendi (S72), Birżebbuġa (S80 u S85), Marsaskala (S90) u x-Xgħajra (S94), li jkopru l-lokalitajiet ta’ Ħal Luqa, Ħal Kirkop, Mqabba, Santa Luċija, il-Gudja, Ħal Tarxien, iż-Żejtun, Raħal Ġdid, il-Fgura u Ħaż-Żabbar. Dawn il-rotot se jibqgħu għaddejjin sa mill-inqas is-1am.

Għall-passiġġieri li jridu jaqsmu lejn Għawdex, se jkun hemm servizzi speċjali bir-Rotta S41 saċ-Ċirkewwa bl-aħħar vjaġġ jitlaq fis-1.30am.

Dawn is-servizzi se jkunu bla ħlas għall-passiġġieri li għandhom Tallinja Card personalizzati. Passiġġieri oħra jistgħu jixtru biljett ta’ €3 u jħalsu bi flus kontanti jew contactless.

Aktar informazzjoni tkun disponibbli fuq is-sit elettroniku ta’ Malta Public Transport, fuq it-Tallinja app u l-mezzi soċjali tal-kumpanija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport