€700,000 f’għajnuna finanzjarja lis-sajjieda milquta miż-żieda fil-prezz tal-fjuwil

Aqra wkoll

 Il-Gvern nieda skema ta’ għajnuna finanzjarja b’allokazzjoni ta’ €700,000 sabiex jappoġġja lis-sajjieda full-time li ntlaqtu miż-żieda fil-prezz tal-fjuwil b’rabta mal-kriżi fil-Lvant Nofsani.

L-iskema, li se tkun amministrata mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, għandha l-għan li ttaffi parti mill-ispejjeż addizzjonali tal-fjuwil li qed iġarrbu s-sajjieda, filwaqt li tgħin biex tinżamm il-vijabbiltà tas-settur tas-sajd u titħares il-kontinwità tal-provvista tal-ikel. Iż-żieda fil-prezz tal-fjuwil qed tħalli impatt fuq is-settur tas-sajd f’diversi pajjiżi Ewropej.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, Anton Refalo, qal li din l-għajnuna hija intervent immirat biex il-Gvern jibqa’ qrib is-sajjieda f’perjodu fejn żidiet internazzjonali fil-prezzijiet tal-fjuwil qed ipoġġu pressjoni fuq l-operat tagħhom. “Is-sajjieda tagħna ma għandhomx iġorru waħedhom il-piż ta’ ċirkostanzi internazzjonali li m’għandhom l-ebda kontroll fuqhom. B’allokazzjoni ta’ €700,000 qed nipprovdu għajnuna konkreta biex intaffu parti miż-żieda fl-ispejjeż tal-fjuwil u ngħinu lis-settur ikompli jopera.”

Din l-iskema tkompli tibni fuq sensiela ta’ inizjattivi li permezz tagħhom il-Gvern appoġġja lis-settur tas-sajd quddiem żidiet straordinarji fl-ispejjeż. Fl-2022 u fl-2023 kienu diġà tnedew skemi ffinanzjati minn fondi nazzjonali biex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezz tal-fjuwil b’rabta mal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna, filwaqt li s-sena li għaddiet il-Gvern reġa’ kien ta’ sostenn lis-sajjieda permezz ta’ skema marbuta maż-żieda fil-prezz tal-lixka.

L-għajnuna se tkun ibbażata fuq il-konsum reali tal-fjuwil u se tkopri 70% tal-ispiża addizzjonali eliġibbli, ikkalkulata skont id-differenza bejn il-prezz medju fix-xahar rispettiv u l-prezz bażi ta’ Frar 2026 ta’ €0.5961 kull litru. Il-ħlasijiet isiru wara verifika tal-irċevuti tal-fjuwil.

L-iskema tapplika għal operaturi eliġibbli rreġistrati bħala sajjieda professjonali full-time (MFA), li jikkwalifikaw bħala SMEs u li jixtru fuel duty-free għall-operat tas-sajd.

L-ewwel perjodu għall-applikazzjonijiet fetaħ fit-28 ta’ Settembru 2026 u jibqa’ miftuħ sad-9 ta’ Ottubru 2026, u jkopri claims għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu sal-31 ta’ Awwissu 2026. L-applikazzjonijiet jintlaqgħu mill-uffiċini tal-Extension Services tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura f’Marsaxlokk, San Pawl il-Baħar u l-Imġarr, Għawdex.

L-iskema ġiet approvata mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-Middle East Crisis Temporary State Aid Framework.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport