Monday, December 23, 2024

Titwaqqaf l-Aġenzija Project Green responsabbli mill-akbar proġett ambjentali f’pajjiżna

Investiment ta’ €700 miljun f’seba’ snin għal aktar spazji miftuħa fil-qalba tal-ibliet u l-irħula tagħna

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Twaqqfet l-Aġenzija Project Green li se tkun responsabbli mill-akbar proġett ambjentali li se jiswa €700 miljun għas-seba’ snin li ġejjin, li kienet ukoll wegħda elettorali ewlenija tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Dan se jkun qed isir permezz ta’ spazji miftuħa ġodda fil-qalba tal-ibliet u l-irħula tagħna.

L-Aġenzija se tkun qiegħda titmexxa minn Steve Ellul, li se jassumi l-irwol ta’ Kap Eżekuttiv. Dan tħabbar f’konferenza stampa li saret iktar kmieni llum u li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli fejn intqal li Project Green se tkun qiegħda twettaq u tikkordina dan l-akbar investiment ambjentali.

Il-Ministru Dalli bdiet billi qalet li l-impenn għall-ispazji miftuħa mhuwiex biss tal-Ministeru li tiegħu hija responsabbli iżda ta’ Gvern u poplu sħiħ. Qalet li s-sena l-oħra, fost ħidmiet ambjentali oħra, tlestew aktar minn tmien proġetti ta’ ġonna fil-Mosta, il-Marsa, Ta’ Qali, Ħamrun, San Ġwann, Floriana, Kalkara, bl-aktar riċenti l-ftuħ ta’ żona fi Ġnien Romeo Romano għall-pubbliku.

“L-aġenzija li qed inniedu se tgħaqqad flimkien ix-xogħol li għamilna s’issa u tagħtih spinta ‘l quddiem b’investiment rekord ta’ €700 miljun. Irridu nwettqu l-ħolma li f’pajjiżna kull familja jkollha spazju miftuħ fejn tirrilassa qrib in-natura ftit passi minn fejn tgħix mingħajr il-bżonn li taqbad il-karozza,” qalet il-Ministru Dalli.
“Jiena nemmen li din ix-xewqa ta’ ħafna persuni hi ġustifikata. Ikollok servizzi ta’ saħħa aħjar. Nemmen li kulħadd jixtieq li meta noħorġu mid-dar, insibu ambjent sabiħ, fejn nistgħu ngawdu n-natura, fejn it-tfal jistgħu jmorru jiġru mingħajr periklu.”

Tenniet li Project Green se tistinka biex tintlaħaq din il-mira bi tliet prinċipji ewlenin li huma l-kwalità, il-kollaborazzjoni u s-sostenibbiltà.

“Irridu li dan l-investiment jissarraf fi spazji miftuħa tal-ogħla kwalità. Irridu spazji miftuħa ħodor li jilħqu l-aspirazzjoni tal-familji tagħna. Irridu ġonna b’inqas konkos u madum u aktar pjanti. Irridu ġonna aċċessibbli mhux biss b’faċilitajiet ta’ mobilità għal kulħadd imma spazji li jaħsbu għal tfal u persuni b’kundizzjonijiet differenti.”

“Din hi entità li se taħdem ma’ kulħadd. Irridu li l-proġetti li se jibdlu wiċċ il-lokalitajiet infassluhom id f’id ma’ dawk kollha konċernati. Fil-Kalkara ftaħna l-ewwel ġnien carbon neutral f’pajjiżna. Iridu li jkunu adotatti prinċipji sostenibbli anke fil-materjal li jintuża, biex ma jagħmilx ħsara ambjentali.”

“Se neżiġu li kull min iwettaq ix-xogħlijiet meħtieġa ikun aktar innovattiv b’teknoloġiji u metodi sostenibbli,” kompliet tispjega l-Ministru Dalli.
Temmet tgħid li quddiem investiment rekord fi proġett ambjentali bħal dan irridu nieħdu l-aħjar valur għall-fondi pubbliċi. “Se nibqgħu nieħdu ħsiebhom biex nibqgħu ngawduhom għal ħafna snin.”

“Objettiv li sa tmiem il-proġett, persuna ssib spazji miftuħa b’inqas minn 10 minuti mixi”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul qal li l-aġenzija se taħdem fuq din l-ambizzjoni li noħolqu spazji ħodor għall-familji tagħna, għal kull min jgħix u jaħdem f’pajjiżna, fjen tfal, żgħażagħ u anzjani jkunu jistgħu jgawdu ambjent aktar trankwill. Se tagħmel dan b’enfasi speċjali fuq il-qalba tal-bliet u l-irħula.

L-oġġettiv hu li fi tmiem dan il-proġett, tkun tista’ ssib spazji miftuħa b’inqas minn 10 minuti mixi. L-aġenzija se tintervjeni mal-ewwel biex jiġu implimentati proġetti f’kategoriji differenti skont il-bżonn tal-komunitajiet u l-potenzjal taż-żona.

Ellul elenka wkoll diversi proġetti kbar ta’ spazji ħodor miftuħa, proġetti ħolistiċi li jgħinu lil pajjiżna jersaq lejn il-carbon neutrality. “F’San Ġwann qed naraw proġett li se jagħti lil din il-komunità 6,500 metru kwadru ta’ spazji ħodor flok l-aktar żona urbanizzata u traffikuża f’San Ġwann.

“Se tinħoloq underpass fi Vjal Rihana, sabiex it-traffiku jgħaddi min taħt l-art waqt li n-nies igawdu mill-ispazju aħdar li se noħolqu u se ngħaqqdu flimkien mal-Ġnien Karin Grech,” tenna Ellul.

Ekonomija

Sport