Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, inawgurat il-ftuħ tal-ewwel Cat Cafe fiż-Żurrieq.
Alicia Bugeja Said spjegat li permezz ta’ dan il-cat café, il-ministeru kompla jaħdem fuq il-wegħdi elettorali, fosthom li jkollna iżjed cat cafés u dog parks. Hija qalet li, “Proġetti bħal dawn għandhom rwol importanti fil-kura u l-protezzjoni tal-qtates stray. Illum ftaħna dan l-ispazju sabiħ fejn il-viżitaturi jistgħu jqattgħu ftit ħin ma’ dawn il-qtates f’ambjent sigur”.
Hija saħqet ukoll fuq il-ħtieġa li din l-inizjattiva tiġi mħeġġa f’lokalitajiet oħrajn. “Inħeġġeġ aktar inizjattivi simili biex flimkien nibnu futur aktar ġust u b’aktar għarfien dwar id-drittijiet tal-annimali. Il-ħarsien tal-annimali abbandunati għandu jkun prijorità għalina lkoll”, temmet tgħid Bugeja Said.
Fi Triq il-Belt Valletta, iż-Żurrieq, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi lesta xogħol ta’ manutenzjoni fil-Cat Cafè li hemm f’din iż-żona.
Fi żjara li għamel waqt li għaddejjin ix-xogħlijiet, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia spjega kif ix-xogħol li qiegħed isir f’din iż-żona huwa wieħed li joħloq ambjent aħjar, kemm għal dawk li jiġu jżuru din iż-żona jew li jagħtu l-ikel lill-qtates, kif ukoll għall-qtates stess.
Is-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima, qalet, “Illum okkażjoni speċjali għall-Kunsill Lokali taż-Żurrieq għax wara ħafna xhur ta’ ħidma, infetaħ l-ewwel Cat Cafè immexxi mill-kunsill lokali. Nirringrazzja lil diversi entitajiet, voluntiera, il-kunsilliera Marisa D’Amato kif ukoll is-Segretarju Eżekuttiv Josianne Cilia Munford għax mingħajr il-ħidma tagħhom ma kienx jirnexxielna nvaraw dan il-proġett”.
Qalet ukoll li, “Se nilqgħu qtates tat-triq, hawn kamra għal meta l-qtates jiġu imsewwija u fejn il-cat feeders jiġu jitimgħu lil dawn il-ħlejjaq u jgħaddu ftit ħin magħhom. Bi kburija ngħid li dan hu proġett ieħor imwettaq mill-kunsill lokali”.