Monday, May 13, 2024

Titwitta t-triq biex fi ftit snin oħra l-Malta Business Registry ma tużax aktar karti

Pjattaforma online ġdida… trasparenza u rendikont

Aqra wkoll

Il-Malta Business Registry ħabbret il-pjattaforma online li għandha fatturi diġitali ġodda immirati biex jassistu aħjar lin-negozji. Wara xhur ta’ preparazzjoni u ttestjar kemm intern kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati prinċipali saret il-qalba bejn is-sistema l-antika għal pjattaforma diġitali ġdida. Is-sistema hija bbażata fuq teknoloġija blockchain biex tiġi żgurata t-trasparenza meta tiġi mqassma informazzjoni. B’hekk ikun qiegħed jinżamm rendikont.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-proġett, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri spjega li din is-sistema se tkun qiegħda tgħin lill-professjonisti fis-settur li jieħdu ħsieb in-negozji tal-klijenti tagħhom biex jippreżentaw dokumenti minn Corporate Accounts, jaraw jekk hemmx penali pendenti, kif ukoll ikunu jistgħu jivverifikaw u jemendaw l-informazzjoni meħtieġa b’mod aktar faċli. Din is-sistema tuża wkoll dik imsejħa firma diġitali kwalifikata (qualified digital signature) skont id-direttivi Ewropej li tagħti s-saħħa lill-professjonisti jużaw din il-firma li għandha l-istess validità daqs firma bil-pinna.

Dan kollu qiegħed iwitti t-triq biex fi ftit snin oħra l-entità ssir waħda paperless. Fil-perjodu li s-sistema diġitali ġdida bdiet tintuża bħala prova, diġà ħalliet impatt. Fil-proċess biex tkun inkorporata kumpanija, jekk klijent jagħti l- informazzjoni kollha, kumpanija qed tkun inkorporata f’24 siegħa. Is-sistema ilha miftuħa minn Novembru u f’dan il-perjodu 662 kumpanija ġew inkorporati u mdaħħla ’l fuq minn 80,000 dokument.

Sistema waħda ċentralizzata

Fuq kollox din l-inizjattiva timxi id f’id ma’ inizjattiva oħra tal-MBR li se tkun kruċjali biex isaħħaħ il- kompetittività u tnaqqas il-burokrazija, ir-Repożitorju tad-Data Ċentrali (Central Data Repository Solution) sistema li l-entitajiet kompetenti jkollhom sistema waħda ċentralizzata minn fejn jiġbru d-dokumenti fuq kumpanija. Tender għal din is-sistema mistenni joħroġ fix-xhur li ġejjin.

“Sadanittant permezz ta’ kumitat immexxi mill-MBR qegħdin nanalizzaw l-Att dwar il-Kumpaniji biex isiru emendi li jirriflettu l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet preżenti, inkluż id-diġitalizzazzjoni,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

Is-CEO u Reġistratur tal-MBR, Dott. Geraldine Spiteri Lucas tat spjegazzjoni tal-proċess kif saret il-migrazzjoni tal-informazzjoni minn sistema għall-oħra fejn qalet li l-proċess biex inħolqot din il-pjattaforma kien pass kruċjali li għenhon jifhmu kif is-servizzi online jistgħu jiġu mtejba għall-ġid tal-klijenti tal-MBR.

“Li jkollok lill-istakeholders parti minn dan il-vjaġġ hija kruċjali sabiex il-professjonisti jipprovdu l-opinjoni tagħhom u jkunu parti mill-ittestjar kollu. L-ittestjar intern u estern kien segwit minn proċess delikat li huwa l-migrazzjoni tad-data li għaliha l-impjegati tal-MBR kellhom sehem kruċjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel. Fejn wasalna llum, jiġifieri t-tnedija tal-Business Automation Registry Online System (BAROS) li tintroduċi diversi karatteristiċi li jallinjaw mal-viżjoni tal-MBR lejn id-diġitalizzazzjoni kif ukoll li ssir entità paperless, xi ħaġa essenzjali li tnissel bidla fil-kultura,” temmet Dott. Spiteri Lucas.

Sport