Friday, December 13, 2024

Titwitta t-triq għall-korsa tat-tlielaq tal-karozzi

Aqra wkoll

L-Għaqda tat-Titjir tal-Mudelli tal-Ajruplani ta’ Ħal Far se tingħata sit alternattiv

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri u l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima ħabbru li l-Assoċjazzjoni tat-Titjir tal-Mudelli tal-Ajruplani ta’ Ħal Far (HFMFA) se tiġi rilokata. Is-sit li qed jintuża mill-Assoċjazzjoni se jwitti t-triq għall-korsa tat-tlielaq tal-karozzi li se tiswa €20 miljun – wegħda elettorali oħra li se tiġi implimentata.

Il-ftehim ġie ffirmat bejn Indis Malta Ltd, SportMalta, l-Awtorità tal-Artijiet, u l-HFMFA, li permezz tiegħu l-HFMFA se tiġi rilokata mis-sit prezenti fiż-żona industrijali għal sit fil-periferija tal-istess żona f’Ħal Far. F’dan is-sit, l-iżvilupp li għandu jsir jinkludi interventi minimi li se jsiru skont permessi kif joħorġu mill-Awtorità tal-Ippjanar b’rispett sħiħ lejn il-klassifikazzjoni ta’ parti mis-sit bħala Natura 2000.

Il-Ministru Schembri saħaq li din se ssolvi wkoll kwistjoni oħra, fejn sport ieħor li qiegħed jiġi prattikat fil-viċinanzi kien qed ixekkel membri tal-Assoċjazzjoni milli jtajru l-ajruplani tagħhom.

“Ir-rilokazzjoni ġejja mill-fatt li s-sit eżistenti jinsab fil-viċinanzi ta’ diversi siti oħra li qed jiġu żviluppati għal skopijiet industrijali, u s-sit ikun adattat għal skopijiet simili, apparti mill-korsa nnifisha”, spjega l-Ministru Schembri.

Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar il-ħidma kollettiva li qed issir fil-qasam tal-isport, li ma tinkludix biss investiment infrastrutturali u investiment fl-atleti u dawk li jipprattikaw kull tip ta’ sport, imma wkoll f’għajnuna varja lill-klabbs u assoċjazzjonijiet.

“Qed nagħtu wkoll prijorità lill-assoċjazzjonijiet u l-klabbs sportivi, anki dawk żgħar, biex dawn ikomplu għaddejjin bid-delizzju tagħhom f’ambjent aħjar u li jixraq għall-prattika tal-isport favorit tagħhom”, qal il-Ministru Grima.

INDIS Malta se tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju tul il-proċess ta’ rilokazzjoni. Fost oħrajn, se tkun qed toħroġ somma massima ta’ €350,000 fuq perjodu ta’ sena biex tkopri xogħlijiet ta’ rilokazzjoni approvati minn qabel.

Il-President ta’ l-HFMFA Pierre Bonello qal li l-ftehim bejn l-HFMFA u INDIS Malta Ltd se jippermetti li s-sit u l-attivitajiet tal-klabb jiġu rilokati f’post alternattiv fiż-żona ta’ Ħal Far. Dan il-proċess seta jsir possibbli biss permezz ta’ kollaborazzjoni bejn numru ta’ entitajiet.

Kemm l-organizzazzjoni sportiva kif ukoll l-industrija se jibbenefikaw minn din ir-rilokazzjoni. Minħabba l-iżviluppi riċenti ħdejn is-sit attwali s-sit  ma baqax ideali u adegwat biex l-organizzazzjoni tkompli twettaq l-attivitajiet tagħha u b’hekk kien hemm impatt fuq il-possibilità li l-assoċjazzoni tikber u tkun attraenti għall-120 membri tagħna. L-organizzazzjoni sportiva issa se tkun tista’ twettaq l-attivitajiet u l-avvenimenti tagħha fuq skala akbar u internazzjonali.

Luciano Busuttil, iċ-Chairmain ta’ SportMalta tkellem dwar il-kollaborazzjoni li kien hemm bejn dawk kollha involuti, il-ministeri u l-entitajiet, li flimkien mal-Assoċjazzjoni waslu għal dan il-ftehim li permezz tiegħu l-Assocjazzjoni se tibqa’ tipprattika bl-isport tagħha.

Ekonomija

Sport