Friday, May 3, 2024

L-GĦAŻLA BEJN IL-PARTITI

Aqra wkoll

Meta nkunu resqin lejn l-aħħar fażi tal-leġislatura, id-data tal-elezzjoni tkun fuq fomm kulħadd. Ikun hemm stennija kbira sakemm titħabbar uffiċjalment id-data. L-element ta’ kurżità, u għax hija data importanti, tqajjem interess fejn il-poplu jibda jitkellem, jew aħjar jispekula, meta ġejja.

Fil-verità din hija prerogattiva tal-Prim Ministru u għandu jkun hu li jara, kif qalilna Dr Abela stess, meta għandha ssir l-elezzjoni fl-aħjar interess ta’ pajjiżna. Għalina l-politiċi Laburisti, mhux li tagħmlilna daqstant differenza. Dan għaliex ninsabu ffukati fuq ħidma f’kull qasam sabiex intejbu l-għajxien ta’ kull ċittadin. Irridu li jinqasam il-ġid f’kull faxxa tas-soċjetà u dak li qegħdin nagħmlu bħalissa rridu nibqgħu nagħmluh, ikunx hemm elezzjoni jew le.

Meta mbagħad titħabbar id-data tal-elezzjoni, ikollna ngħaddu minn perjodu ta’ kampanja sabiex inwasslu l-messaġġ u nispjegaw il-politika tagħna. Sabiex ma niqfux nofs triq, irridu naħdmu qatigħ biex nassiguraw rebħa kbira Laburista. Irridu nwasslu żewġ messaġġi partikolari: fuq naħa l-grazzi lill-Prim Ministru Robert Abela u x-xogħol li wettaq il-Gvern tiegħu, kif ikoll fiduċja biex ikompli jmexxina fiż-żmien li ġej. Min-naħa l-oħra mbagħad irridu ngħaddu messaġġ lill-Partit Nazzjonalista li l-politika negattiva u ta’ qtigħ il-qalb ma tagħmilx Partit bħala Gvern alternattiv. Ilkoll nafu li l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma nbidilx. Il-Kapijiet inbidlu, esponenti u kunsilliera oħra rriżenjaw imma xorta waħda baqgħu jaddottaw politika ta’ ħdura, politika tal-babaw u politika tal-le għal dak kollu li jagħmel Gvern Laburista.

Issa li qegħdin fl-aħħar tal-leġislatura, wieħed kien jistenna li l-Oppożizzjoni tkun diġà ħarġet bi proposti u tispjegalna fuq xiex se jkunu qed jaħdmu li kieku l-poplu jagħtihom il-fiduċja. Sal-lum skiet li jtarrax u l-waħdiet li ġieli ħarġu jkunu nofs sajran, mingħajr riċerka u lanqas ikkalkulati kif suppost.

L-għażla tal-elettorat għandha tkun waħda sempliċi. Bejn il-Partit Laburista li huwa onest u allura kredibbli u l-Oppożizzjoni li għandha Kap li tela’ b’komplott ma’ klikka biex itajru lil ta’ qablu u llum irid jagħmel li jgħidulu u li moħħu fil-midja soċjali sabiex idoqq l-istess diska skont ir-riħ kif ikun qiegħed jonfoħ. Fi kliem sempliċi, il-Partit Nazzjonalista mhuwiex konsistenti u dak li jgħidu llum ma jaqbilx ma’ dak t’għada.

Dibattitu ma’ Peter Agius

Din il-ġimgħa kont mistieden fuq ir-radju tal-knisja għall-programm ta’ Andrew Azzopardi, f’dibattitu ma’ Peter Agius. Nistqarr magħkom li f’dawn id-dibattiti l-iskop tiegħi jkun wieħed li naqsam il-ħsibijiet u l-ideat mal-preżentatur u l-mistiedna u tinħoloq diskussjoni matura fejn fl-aħħar mill-aħħar ikunu n-nies li jiġġudikaw. 

F’dan il-programm ma nistax ngħid li sar hekk tul il-programm kollu. Dan għaliex, b’kull rispett lejn il-ħabib tagħna Peter, beda juża ton li mhux dejjem kien denju biex iqanqal argument. F’mumenti ħassejtni qiegħed fuq xi programm ta’ Gordon Ramsey bir-riċetti tas-sopop. Però din tas-soppa ilhom li ħarġuha tal-PN b’referenza għas-€70 miljun li l-Gvern investa fin-nies. Argumenti pwerili li jippruvaw jisfumaw it-tajjeb ta’ dak li jkun sar mill-Gvern. L-istess kien ġara meta l-Gvern ħareġ bil-vouchers. Li għadhom mhux jifhmu l-PN, huwa l-fatt li l-poplu huwa ħafna iktar intelliġenti milli jaħsbuh u kapaċi jevalwa sew l-affarijiet.

Wara li Agius għamel diversi attakki b’narattiva negattiva tas-soltu, staqsejtu mistoqsija rigward il-kawża li sieħbu Peregin fetaħ kontra Medialink. Staqsejtu wkoll dwar il-qagħda finanzjarja diżastruża tal-partit tiegħu meta fl-istess waqt l-imgħallem tiegħu għandu salarju ta’ ħamsa u sittin elf ewro. 

M’għandix għalfejn ngħidilkom li bqajna mingħajr risposti għax ma kienx komdu jwieġeb. Jidher biċ-ċar li l-PN għadu partit mfarrak, mimli klikkek fejn kulħadd iħaddan l-aġenda personali tiegħu.

Investiment ta’ €70 miljun

Din tas-€70 miljun investiment fin-nies li l-Gvern se jkun qiegħed iqassam, niżlet verament tajjeb magħhom. L-għada li tħabbret kulħadd beda jitkellem fuq kemm se jirċievi. 

Segwejt ukoll kummenti minn ekonomisti li lkoll irrikonoxxew dan l-investiment bħala deċiżjoni għaqlija li tinjetta l-ekonomija tagħna biex inkomplu ndawru r-rota ekonomika, inwennsu n-negozji u nsaħħu l-ħaddiem.

Dan kien Gvern li f’dan iż-żmien ta’ pandemija ra kif sab il-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija. Irridu ngħidu li l-Gvern ħa deċiżjoni diffiċli li ma jagħmilx lockdown imma żamm il-pandemija taħt kontroll, filwaqt li intervjena bis-sħiħ biex daħal hu għall-piż u evita impatt negattiv fl-ekonomija. Id-diversi mini budgets, skemi u benefiċċji għinu biex in-negozji ma jieħdux skoss wieħed wara l-ieħor imma żammejna ritmu li għalkemm kajman fiċ-ċirkostanzi kien wieħed kostanti.

Irridu niftakru li din l-għajnuna tal-Gvern hija parti minn politika ekonomika li salvat l-impjiegi bil-Wage Supplement u żammet il-qgħad fl-inqas rata ta’ kull żmien.  

Issa kien imiss li għal darb’oħra l-Gvern jagħti iktar flus fil-bwiet tan-nies. Laqatni l-Ministru għall-Finanzi meta qal li minkejja li l-previżjonijiet tas-sena li għaddiet kellha tagħlaq b’defiċit ta’ 11.1%, issa huwa mistenni li jinżel għal 8.1%. Dan ifisser li l-Gvern kellu fejn iqassam iżjed.

Altru milli soppa msaħħna. Dan il-Gvern jaħdem bil-għaqal u bil-ħsieb. Pass wara ieħor u nwettqu dak li nemmnu fih. Fi żminijiet oħra rieduna; nidraw il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għoljin, riduna naħslu l-ħwejjeġ billejl, ‘se nivvota bil-qalb kontra r-roħs’ u ‘jekk għandhom jogħlew il-prezzijiet…’

Surveys

Bħal lum ġimgħa ħarġu żewġ surveys, wieħed minnhom ta’ dan il-ġurnal. It-tnejn li huma wrew li l-istampa ta’ bħalissa turi similarità mar-riżultat li kellna fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Iddur kif iddur man-numri, kollox jindika li l-maġġoranza assoluta tal-poplu tafda lil Robert Abela u l-Partit Laburista. Fl-istess waqt in-Nazzjonalisti jibqa’ jkollhom esodu fejn nies li vvutaw PN l-aħħar elezzjoni ġenerali din id-darba se jivvutaw lill-Partit Laburista. 

Il-poplu meta jiġi biex jagħżel, qiegħed jagħti l-fiduċja tiegħu lil Partit Laburista. Dan għaliex il-poplu qiegħed japprezza r-riformi kbar li wettaq dan il-Gvern f’din il-leġislatura. Gvern li wera kemm għandu ruħ soċjali u kemm għandu għal qalbu lill-ħaddiem. Il-mod kif mexa fi żmien il-pandemija, b’ħafna benefiċċji li żammew il-qagħda stabbli, b’budgets mingħajr taxxa u l-penzjonijiet jibqgħu jiżdiedu sena wara oħra jagħtu dawn it-tip ta’ riżultati elettorali. 

Jien li ġej mir-raba’ distrett u nżur id-djar tal-kostitwenti tiegħi kuljum, naf eżatt il-polz fejn qiegħed iħabbat. Il-ġid li qassam dan il-Gvern jirrikonoxxih kulħadd: Il-formolarju tal-mediċina dejjem jitwessa’ biex dejjem nilħqu iktar nies, tal-linja b’xejn, eżamijiet b’xejn, iktar nies jibbenefikaw mill-inwork benefit, żidied fl-għajnuniet supplimentari u oħrajn jagħmlu l-Partit Laburista bħala l-akbar forza politika f’Malta.

B’dan f’moħħna rridu nibqgħu dejjem umli u saqajna mal-art. Kif qal il-Prim Ministru stess, kull partit tibda xejn b’xejn. Irridu naraw fejn inqasna u nieħdu ħsieb nies li forsi għad għandhom xi problema. Ejja ħa ningħaqdu biex inressqu lil dawn in-nies lejn il-Partit Laburista ħalli uffiċjali u kandidati jagħmlu kuntatt magħhom u jintervjeni fejn huwa possibbli biex jissolvew dawn l-ilmenti.

Dalgħodu nħeġġiġkom tingħaqdu miegħi u tattendu l-attività politika li se ssir Ħal Tarxien sabiex flimkien nisimgħu d-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Ħadd it-tajjeb.

Sport