Saturday, November 2, 2024

Tivvota mill-bogħod

Aqra wkoll

Dil-ġimgħa hu maħsub li l-Parlament Ewropew jivvota f’plenarja imma mill-bogħod. Kemm jista’ jkun, id-deputati se jkunu mistennija li ma jivvjaġġawx imma jivvotaw minn pajjiżhom. Jattendu fiżikament biss dawk li jinsabu fi jew qrib Brussell, u allura jkunu jistgħu jindirizzaw il-plenarja li sa Settembru żgur, mhux se tersaq lejn Strasburgu.

Bħala arranġament hu ħafna aħjar mill-aħħar plenarja, fejn konna mistennija nattendu għal jumejn b’seduti jittieħdu b’diskorsi imma bla vot. Li l-Parlament jitlaqqa’ b’dak il-mod kienet deċiżjoni stupida li setgħet ħolqot problemi sanitarji; forsi hekk għamlet.

Għad irridu naraw kif se taħdem il-proċedura l-ġdida, aktar u aktar għax milli jidher hemm ħafna xi jsir biex il-Parlament ikollu sistema elettronika adekwata biex tlaħħaq ma’ 700 deputat jew kemm. Wieħed lanqas jista’ jikkontja li l-arranġamenti ġodda se jitħaddmu għal perijodu qasir. M’hemm l-ebda turija soda dwar kemm se ddum l-imxija.  

FLUS BIL-ĦELIKOPTER

Il-problema ekonomika li qed jaffaċċjaw il-gvernijiet, inkluż tagħna, hi li bil-kriżi tal-corona, ħafna oqsma se jieqfu għal kollox: bla ebda bejgħ u dħul. Fit-turiżmu l-aktar, imma mhux biss. U mill-ġdid m’hemm ebda idea ta’ kemm se jdumu f’dil-qagħda.

Ħafna familji jistgħu jispiċċaw bla ebda dħul.

Mhux ta’ b’xejn li reġgħet tqajmet il-proposta ta’ flus li jingħataw liċ-ċittadini “b’xejn” ħalli jkollhom x’jonfqu. Fondi hekk jissejħu flus bil-ħelikopter. Kien qam kjass kontra l-proposta xi snin ilu, fl-eqqel tal-kriżi taż-żona tal-ewro, għax intqal li tirvina għal kollox is-siwi tal-flus.

Hu minnu li hi proposta “perikoluża”. Storikament ma jeżisti l-ebda preċedent għaliha. (Ħlief forsi meta armata kienet tidħol f’xi belt u s-suldati tagħha jitħallew jissakkeġġjawha.)

Imma s-sitwazzjoni li qed taffaċċja l-Ewropea (u l-bqija tad-dinja wara kollox) ukoll hi bla preċedent.

IL-MIDJA STAMPATA

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar tidher imwegħra l-qagħda tal-midja stampata (tal-ġurnali) f’Malta. Hi ħaġa stramba kif sa issa ma qamet l-ebda diskussjoni dwar il-problema.

Waqt li l-bejgħ ta’ gazzetti lokali donnu dejjem qed jaqa’, il-ġurnali kollha bħalissa qed jiġu stampati f’post wieħed. Wara li għalqet l-istamperija tal-GWU u tal-PN, anke tat-Times, li kienet mitqiesa bħala l-aktar moderna, waqfet milli tistampa gazzetti. 

Ekonomikament dil-ħaġa tagħmel sens, għalkemm xorta l-ispiża biex tistampa gazzetta f’Malta minħabba ċ-ċirkolazzjoni baxxa, tagħmel l-istampar ħafna ogħla minn barra.

Biss hemm ukoll il-problema li meta l-istamperija li qed tintuża minn kulħadd, tinqalgħalha problema teknika, l-ġurnali kollha jibqgħu jew joħorġu tard jew ma jidhrux. Ħaġa li tkompli tbiegħed il-qarrejja minnhom.

It-transfer għal fuq l-internet se jkun vijabbli? Wieħed jiddubita.

Sport