Friday, November 15, 2024

Tiżdied b’€45 miljun in-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali

Aqra wkoll

Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li matul l-ewwel nofs tas-sena n-nefqa fuq il-benefiċċji kontributorji u mhux kontributorji żdiedu b’aktar minn €45 miljun għal total ta’ €628 miljun.

Mill-2013 din kienet it-tieni l-akbar żieda fin-nefqa fl-ewwel nofs tas-sena wara dik reġistrata fl-2017.

Din iż-żieda hija dovuta għall-introduzzjoni ta’ numru ta’ miżuri soċjali li bdew jingħataw mill-bidu tas-sena. Fosthom, iż-żieda fil-pensjonijiet kollha u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu biex jiġu aġġustati l-pensjonijiet tar-romol.

Fil-fatt in-nefqa fuq il-pensjonijiet tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità kif ukoll dik mhux kontributorja ta’ l-età laħqet il-€465.7 miljun – li tirrapreżenta aktar minn 74% tan-nefqa globali. 

Riżultat ta’ miżura oħra mwettqa mill-Budget, il-ħlasijiet tal-bonus fin-nefqa tal-benefiċċji kontributorji żdiedu b’aktar minn €5 miljun. Miżura li taħseb biex il-bonus għall-għoli tal-ħajja jibda jitħallas sħiħ lill-pensjonanti kollha, filwaqt li b’miżura oħra persuni li laħqu l-età tal-irtirar iżda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni għax ma kellhomx biżżejjed bolol imħallsa, ingħataw żieda ta’ €150 fil-bonus.

Miżura oħra li ħalliet impatt fin-nefqa fuq il-benefiċċji mhux kontributorji kienet dik li wasslet għal żiedet fl-Għajnuna Supplimenari lill-benefiċċjarji miżżewġin u persuni waħedhom, inkluż romol.  Għalkemm l-għadd tal-benefiċċjarji naqas b’aktar minn 700, in-nefqa żdiedet b’aktar minn €2.6 miljun, biex issa laħqet it-€8.6 miljun.

In-nefqa fuq l-assistenza soċjali naqset b’madwar €1.5 miljun għax kompla jonqos l-ammont ta’ persuni dipendenti fuq l-assistenza soċjali u persuni bla impjieg. Fl-ewwel sitt xhur tas-sena dawn il-benefiċċjarji naqsu b’868.

Bejn Jannar u Ġunju aktar minn 38,000 anzjan u anzjana bejniethom irċevew madwar €12.8 miljun f’għotjiet lill-anzjani ta’ 75 sena u akbar.

Madwar 47,000 familji bit-tfal bejniethom irċevew aktar minn €24 miljun. Huma tħallsu ċ-Children’s Allowance u Suppliment għal kull wild taħt is-16-il sena; l-In-Work Benefit fejn il-ġenituri huma impjegati; il-bonus għall-ewwel wild fil-familja u l-allowance tal-fostering; u l-allowance għal tfal b’diżabilità.

F’kumment dwar dan ir-rapport, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li jemmen li t-titjib qawwi li sar fil-benefiċċji kien ta’ tarka għal bosta anzjani u familji u, flimkien mal-ħidma biex il-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu stabbli, kienu ta’ sostenn biex jilqgħu għall-isfidi li tqanqlu bil-gwerra fl-Ukrajna. Huwa qal li dan it-titjib kompla mal-kullana ta’ miżuri soċjali li twettqu f’dawn l-aħħar snin, speċjalment fejn jolqot il-pensjonanti.

Il-Ministru Falzon kompla jgħid li ż-żidiet fil-benefiċċji daħlu fis-seħħ kmieni fis-sena, tant li sa Ġunju twettqu aktar minn 85% tal-miżuri soċjali tal-baġit.

Il-Ministru Falzon stqarr li kien inkorraġġanti l-fatt li l-persuni fuq l-assistenza soċjali u l-għajnuna supplimentari komplew jonqsu, għax huwa sinjal li t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol qed iħallu l-frott mixtieq u d-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali qed tkompli tonqos.

Ekonomija

Sport