Sunday, December 22, 2024

Tiżdied il-fiduċja tan-nies fil-Korp tal-Pulizija

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Waħda mill-għanijiet prinċipali fit-tnedija tal-istrateġija ta’ trasformazzjoni tal-Korp tal-Pulizija li ġiet varata sena ilu kienet proprju dik li jżiedu l-fiduċja tan-nies fil-Korp tal-Pulizija. F’din l-istrateġija ta’ trasformazzjoni għal ħames snin hemm għadd ta’ proposti biex ikollna Korp tal-Pulizija iktar modern, trasparenti u iktar kontabbli.

Sena mindu ġiet varata, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri Byron Camilleri b’sodisfazzjon innota li l-fiduċja tan-nies tassew żdiedet. Dan hekk kif jekk wieħed iħares lejn l-aħħar żewġ Eurobarometers dawn juru li kontinwament il-Korp tal-Pulizija qiegħed iżid il-fiduċja tan-nies fih. Il-Ministru qal li jinsab konvint li l-fiduċja tan-nies qed tiżdied għax qed jagħmlu dan it-tibdil li huwa ibbażat fuq l-istrateġija ta’ trasformazzjoni.

Meta wieħed iħares lejn dawn il-Eurobarometers il-Ministru qal li kien hemm żieda ta’ fiduċja ugwali għal 6%. Żied jgħid li dan kollu jkompli jimlihom b’kuraġġ u rieda biex ikomplu jibdlu u jkomplu jsaħħu l-istrutturi tal-Korp.

Qal li mindu nedew din l-istrateġija ta’ trasformazzjoni saru bidliet tanġibbli f’din l-aħħar sena minn servizzi ġodda bħal dak tal-unit dwar il-vjolenza domestika, għal mod kif isiru l-ħatriet fil-Korp tal-Pulizija.

Qal li għażlu li jbiddlu ħafna biex illum, u aktar ma jgħaddi żmien, ikollna Korp tal-Pulizija aktar modern, li jkun aktar trasparenti u kontabbli, u li jkun Korp tal-Pulizija li jista’ jagħti servizz aħjar liċ-ċittadini tagħna.

Qal li bħala gvern se jibqgħu jkunu spalla ma’ spalla mal-Korp tal-Pulizija biex jagħtuh ir-riżorsi kollha illi hemm bżonn sabiex jagħti servizz tajjeb liċ-ċittadin u jagħtuh ir-riżorsi kollha li hemm bżonn biex ikompli jibdel fejn hemm bżonn ibbażat fuq l-istrateġija ta’ trasformazzjoni.

Semma kif fl-aħħar xhur nedew bosta inizjattivi biex jagħtu aktar riżorsi lill-Korp tal-Pulizija biex ikun jista’ jagħmel xogħolu aħjar, sew jekk hux body cams sew jekk hux investiment fit-teknoloġija bħalma huwa dak tat-taħriġ teknoloġiku fejn jidħlu każjiiet ta’ vjolenza domestika, fost l-oħrajn.

Apparti minn hekk, il-Ministru qal li ma investewx biss fl-għodda imma qed jagħtu aktar investiment fejn jidħol ir-riżors uman ukoll u llum bdew jimplimentaw triq għal opportunitajiet aħjar fil-Korp tal-Pulizija fejn wieħed jista’ jkompli jistudja u jitħarreġ u jimxi aktar ‘il quddiem fl-istudji.

Dwar it-tkattir tal-fiduċja, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li qed jaraw li fost l-oħrajn jikkomunikaw b’mod aktar ċar, b’iktar trasparenza u b’mod konsistenti. Apparti mill-Eurobarometers li għalihom għamel referenza l-Ministru Camilleri, il-Kummissarju Gafà rrefera għal starrriġ li kien ippubblikat fuq ġurnal lokali f’Ġunju tal-2020 fejn dakinhar wera li l-fiduċja tan-nies fil-Korp tal-Pulizija kienet ta’ 49%, liema fiduċja issa żdiedet għal 60%.

Semma kif fl-aħħar sena daħħlu anti-fraud and corruption policy. Il-Kummissarju tal-Pulizija tkellem ukoll fost l-oħrajn dwar l-internal audit department fejn qal li din hija bidla radikali fil-Korp. Semma wkoll li riċenti ddaħħlu l-body cameras li qal li fuq kollox qed iżidu l-kontabilità u jipproteġu lill-pulizija.

Semma l-missjoni tal-Korp li fuq kollox telenka l-ħtieġa li jaħdmu bi sħubija mal-komunità. Qal li l-elementi ta’ fiduċja u sħubija mal-komunità kienu żewġ elementi li kellhom suċċessi fihom f’din l-aħħar sena. Fil-fatt semma kif il-community policing huwa dak il-proġett li l-aktar iqarribhom lejn il-komunità. Qal li dan huwa proġett li ġie mwessa u fakkar li sal-2023 hemm il-pjan biex Malta kollha tkun koperta minn bażi ta’ community policing.

Qal li dan huwa Korp li jrid jaġġorna għaż-żminijiet tal-lum u allura qed jaraw li jinkorporaw id-data u t-teknoloġija, fost l-oħrajn.

Semma wkoll kif għall-ewwel darba fil-Korp se jkunu qed jintroduċu operation plan fejn għandhom prijoritajiet stabbiliti għas-sentejn li ġejjin.

Dwar id-diversità, il-Kummissarju tal-Pulizija qal li dan huwa Korp li jipprova jattira nisa u membri oħra lejh u allura ħadu numru ta’ miżuri simboliċi u oħrajn aktar tanġibbli anke biex kulħadd iħossu aktar ugwali. Semma kif xi ħaġa li tinkoraġġih ħafna fil-ħidma f’dawn l-aħħar xhur huma żewġ MOUs li ffirmaw: wieħed mal-Università ta’ Malta u ieħor mal-British High Commission. 

Ekonomija

Sport