Saturday, December 21, 2024

TKABBIR EKONOMIKU

Aqra wkoll

Kruċjali għas-suċċess tal-baġit tas-sena 2022 se jkun it-tkabbir ekonomiku, mhux biss f’Malta imma fl-ekonomija Ewropea li fuqha tiddependi ħafna l-ekonomija Maltija. It-tbassir dwar hekk qed jitbandal bejn l-“ottimist” u l-kawt, biex ma ngħidx riżervat.

Ix-xokk mhux mistenni dwar il-prezzijiet tal-enerġija jaħti għal dan imma biss parzjalment. Minnu nnifsu, qajjem il-biża’ li jistgħu jispuntaw xokkijiet oħra mhux mistennija. Terġa’, għad hemm inkwiet dwar kif il-pandemija tista’ tkompli tiżviluppa, minkejja li r-raba’ “mewġa” ta’ infezzjonijiet kellha impatt anqas qawwi milli mistenni.

Sadattant, l-għoli tal-ħajja jtektek b’rata ogħla milli konna drajna daħħal element ieħor ta’ inċertezza – hi inflazzjoni ta’ ftit żmien li se tgħib waħidha jew għandha ħajja twila? Skont jekk hijiex waħda jew l-oħra, se jiddetermina jekk ir-rati tal-imgħax humiex se jistejqru.

Kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea, żdiedet sew id-dipendenza tagħna fuq l-ekonomija Ewropea. Għalhekk dawn it-tip ta’ kunsiderazzjonijiet dwar is-suq Ewropew huma ta’ interess kbir għalina.

***

TRASPORT PUBLIKU B’XEJN

Frankament, m’inix konvint li bi trasport publiku bla ħlas se jkun hemm ħafna aktar nies li jibdew jużawh u b’hekk jonqos it-traffiku fit-toroq. Dal-ħsieb hu marbut mal-idea li n-nies tibqa’ lura milli tieħu xarabank għax ikollha tħallas. Kemm hu minnu dan?

Fost ir-raġunijiet għaliex in-nies ma tiħux tal-linja hemm dak li huma mitqiesa – veru jew le – bħala l-inkonvenjenzi li jġib miegħu is-servizz provdut: nuqqas ta’ puntwalità, diżordni fit-tlugh u l-inżul ta’ passiġġieri, dewmien ikkawżat minn iġġammjar tat-traffiku, itinerarji mhux konvenjenti biżżejjed, nuqqas ta’ sigurtà personali…

Hemm raġunijiet oħra marbuta ma’ kif żviluppa l-istil tal-ħajja f’Malta: kulħadd irid karozza, kulħadd imdorri jimxi mill-anqas…

J’alla t-trasport publiku jerġa’ jsir predominanti, imma ma narahiex tiġri bilġri għax isir b’xejn.

***

IL-KITBA TAR-RUMANZI

Smajna u nibqgħu nisimgħu dwar il-bidliet fl-imġiba tan-nies tal-lum meta jiġu għall-qari, bħala riżultat tal-bidla li qed iġibu fid-drawwiet il-mezzi ta’ kumnikazzjoni elettronika. Aktar u aktar individwi qed jidraw jaqraw kollox fil-qosor. Jekk ikun miktub b’mod polemikuż, aħjar. B’sentenzi qosra fi ftit paragrafi qosra wkoll. Testi twal, iwarrbuhom. La għandhom ħin u lanqas paċenzja għalihom. 

Ħaġa bħal din suppost tfisser il-mewt tal-proża letterarja. Ħadd mhu se jkollu ħin jaqraha u anke jekk tibqa’ tiġi mbellgħa lill-istudenti tal-klassijiet sekondarji, aktar se jispiċċaw jabborruha. 

Biss qed jiġri li qed jinkitbu u jinħarġu aktar rumanzi u kitbiet ta’ proża dwar esperjenzi personali, studji storiċi u suġġetti soċjali. Mhux f’Malta biss – f’ħafna pajjiżi oħra  wkoll. U qed nixtraw u jinqraw. X’inhu jiġri? 

Ekonomija

Sport