“M’hemm l-ebda dubju li l-prestazzjoni ekonomika ta’ Malta kienet robusta. Il-fażi li jmiss tat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta għandha tiffoka fuq il-produttività, l-innovazjoni u l-kwalità u mhux biss il-kwantità.”
Iddikjara dan il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, William Spiteri Bailey, fil-ftuħ ta’ konferenza li fiha ngħatat ħarsa lejn l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna u x’qed ikun imbassar għas-snin li ġejjin. Din il-konferenza bit-titlu “Malta’s Economic Compass 2026” kienet organizzata mill-Bank of Valletta u l-Kamra tal-Kummerċ.
Fid-diskors tiegħu, Spiteri Bailey spjega li d-diversifikazzjoni saħħet ir-reżiljenza ekonomika ta’ Malta, b’dan it-tkabbir issa qed jestendi f’aktar setturi. Madankollu, huwa tenna li d-diversifikazzjoni wasslet ukoll għal dipendenza akbar fuq il-ħaddiema barranin.
Huwa kompla jgħid li Malta tista’ tkompli twettaq l-ambizzjonijiet tagħha jekk tadotta mudell ta’ tkabbir immexxi fuq il-produttività. Dan jinvolvi investiment fil-ħiliet, fit-teknoloġija, il-governanza u f’regolamentazzjoni li tippromwovi l-ħolqien ta’ valur fit-tul.
Spiteri Bailey qal ukoll li għandna bżonn approċċ koerenti lejn id-demografija, ix-xogħol u l-inklużjoni. Dan filwaqt li t-turiżmu, il-proprjetà u s-setturi ewlenin kollha jridu jkunu msejsa fuq qafas li jħares ’il quddiem u li jippremja d-dixxiplina u t-trasformazzjoni.
Huwa temm jgħid li l-Malta Chamber se tibqa’ sservi ta’ sieħeb importanti għal dawk li jfasslu l-politika, billi tħeġġeġ l-ambizzjoni fl-istess waqt li tinsisti fuq ir-responsabbiltà.
“Il-membri tagħna huma kollha lesti li jinvestu, lesti jinnovaw u lesti jmexxu. Dak li jfittxu lura huwa ċ-ċarezza, id-dixxiplina u impenn komuni biex Malta ssir aktar reżiljenti u aktar kompetittiva,” temm jgħid Spiteri Bailey.
Sadanittant, Malcolm Bray, Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fi ħdan il-Bank of Valletta, offra analiżi dettaljata tax-xenarju dinji dejjem aktar imprevedibbli. Huwa nnota li l-bidliet rapidi fl-isferi ekonomiċi, politiċi, teknoloġiċi u ambjentali qed ikomplu jsawru l-iżviluppi madwar id-dinja.
Minkejja tensjonijiet ġeopolitiċi kbar, is-Sur Bray innota li l-perspettiva ekonomika ta’ Malta għadha favorevoli, appoġġjata minn tkabbir ekonomiku sod, qgħad baxx, inflazzjoni li tikkonverġi lejn il-mira tal-Bank Ċentrali Ewropew, u proporzjon ta’ dejn pubbliku li jibqa’ fi ħdan il-limiti stabbiliti.
Huwa enfasizza wkoll kif il-prestazzjoni tal-esportazzjoni ta’ Malta wriet reżiljenza notevoli minkejja l-introduzzjoni tat-tariffi tal-Istati Uniti, u attribwixxa din is-saħħa għad-diversifikazzjoni tas-setturi ekonomiċi ta’ Malta.
Fil-preżentazzjoni tiegħu, is-Sur Bray tkellem dwar ix-xejriet demografiċi ta’ Malta, it-turiżmu, is-suq tal-proprjetà, u l-finanzi pubbliċi. Huwa nnota l-għadd rekord ta’ wasliet fis-settur turistiku, filwaqt li saħaq dwar il-ħtieġa li jittejjeb l-infiq reali per capita. Fir-rigward tas-suq tal-proprjetà, spjega l-fatturi li wasslu għaż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà residenzjali u osserva li għalkemm il-ġid tal-familji kiber maż-żmien, għadu kkonċentrat ħafna fuq il-proprjetà u d-depożiti bankarji, u b’hekk indika li hemm lok għal użu aħjar tal-assi. Dwar il-finanzi pubbliċi, huwa ħeġġeġ li ssir analiżi profonda lil hinn miċ-ċifra tad-defiċit nominali biex tiġi eżaminata d-dinamika tan-nefqa f’konformità mal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE.
Il-konferenza tal-bieraħ kienet tinkludi wkoll diskussjoni f’forma ta’ panel u fost il-kelliema kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Dr Marthese Portelli, il-Kap Eżekuttiv ta’ Maypole Group Reuben Debono u Bernard Attard – Clients & Markets Leader, PwC Malta.

