Sunday, December 29, 2024

Tkabbir tal-ġid nazzjonali xhieda ta’ ekonomija reżiljenti

Aqra wkoll

L-aħħar tbassir tal-Bank Ċentrali dwar l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna matul din is-sena wera li l-ġid nazzjonali se jkun kompla jikber bi 3.7 fil-mija sal-aħħar ta’ din is-sena. Dan it-tkabbir juri li l-mudell ekonomiku li qed iħaddem pajjiżna llum sa issa kien suċċess minkejja kull sfida li qiegħed jiffaċċa.

Dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna llum, L-Orizzont talab il-fehma tal-Ekonomista, il-Professur Philip von Brockdorff, Viċi Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, Management u Accountancy fl-Università ta’ Malta.

Huwa fisser l-aħħar previżjoni tal-Bank Ċentrali għall-ekonomika Maltija bi tkabbir għas-sena 2023 ta’ 3.7 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku tikkonferma r-reżijlenza tal-ekonomija minkejja r-rata ta’ inflazzjoni relattivament għolja li kellna dis-sena.

Din ir-reżiljenza ġejja minn żewg fatturi: (i) politika ta’ sostenn għan-negozji u familji permezz ta’ sussidji fuq prezzijiet tal-enerġija u fjuwil f’mument ta’ sfidi kbar internazzjonali u (ii) konsum u investiment li rpilja sew wara r-restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19 u b’mod partikolari ċifri impressjonanti fis-settur tat-turiżmu.

Jidher car ukoll li l-investiment privat reġa’ qed jirranka u qed ikun mifrux fuq diversi setturi inkluż fis-settur tal-manufattura. Qed naraw ukoll investiment fi-start ups. Dan hu sinjal pożittiv u dment li negozji zgħar u ta’ daqs medju jistgħu jkomplu jissellfu b’rati ta’ self kompetittivi u permezz ta’ skemi effettivi amminstrati mill-entitajiet statali, dan għandu jwassal għal aktar investiment u għalhekk potenzjalment jiġġenera aktar dħul u konsum fl-ekonomija.

Il-Professur von Brockdorff kif il-konsum baqa’ fl-livelli għolja minkejja r-rata ta’ inflazzjoni u għalkemm hemm indikazzjoni li l-familja Maltin u Għawdxin naqqsu xi ftit l-konsum ta’ prodotti mhux essenzjali, il-konsum komplessivament jibqa’ wieħed b’saħħtu. Fil-fatt, kawża ewlenija għat-tkabbir ekonomiku ta’ 3.7 fil-mija għal din is-sena ġej minn dan il-konsum.

Ir-rata ta’ inflazzjoni, minkiejja li niżlet f’dawn l-aħħar xhur, iżda baqgħet waħda għolja u dan se jwassal biex l-aġġustament bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja se jkun ogħla minn dak li ngħata għas-sena 2023. Dan jista’ jkollu effett fuq dawk is-setturi li jesportaw prodotti u servizzi u għalhekk hu neċessarju li tkompli tizdied il-produttività fis-setturi kollha speċjalment f’dawk li jesportaw. Din hi sfida li għandu pajjiżna iżda jidher ċar li hawn aptit għall-investiment u ħadd ma jinvesti jekk l-investiment mhux se jirrendi kif mistenni.

Hemm ukoll riskji u huwa tajjeb li nħarsu wkoll x’jistgħu jkunu dawn ir-riskji ghall-ekonomija Maltija. L-ewwel nett għadha għadejja gwerra fil-Lvant tal-Ewropa li wasslet biex il-prezzijiet tal-enerġija u fjuwil kif ukoll taċ-ċereali jogħlew. Hu minnu li prezzijiet tal-elettriku li ġej mill-interconnector sostanzjalment reġghu lura għall-prezzijiet ta’ qabel ma feġġet il-gwerra fl-Ukrajna iżda mhux l-istess għall-petrol, diesel u għaċ-ċereali.

Jidher ukoll li l-Kummissjoni Ewropea se tinsisti biex skemi ta’ għajnuna fuq enerġija jitneħħew b’mod gradwali in vista wkoll tar-reviżjoni tal-Patt ta’ Tkabbir u Stabbiltà. It-tneħħija tas-sussidji jista’ jkollha effett b’mod partikolari fuq il-konsum tal-familja l-aktar jekk ir-rata ta’ inflazzjoni tippersisti. Soluzzjoni għal din l-isfida hi li l-Gvern jagħti aktar sostenn finanzjarju lil dawk il-familji u persuni l-aktar fil-bżonn.

Dwar l-iżbilanċ fil-pagamenti u d-dejn tal-Gvern, il-Professur von Brockdorf jgħid li f’dawn l-aħħar snin rajna żieda fid-defiċit sostanzjalment minħabba l-iskemi marbuta mar-restrizzjonijiet marbuta ma’ COVID-19 u riċentement minħabba l-effetti tal-gwerra fl-Lvant tal-Ewropa. Minkejja dan, id-dejn nazzjonali baqa’ f’livell sostenibbli u diment li t-kabbir ekonomiku jibqa’ madwar 3.5 fil-mija, il-finanzi pubbliċi jibqghu wkoll f’livell sostenibbli.

Għalhekk hu neċessarju li l-ekonomija tibqa’ tikber fil-livell ta’ madwar 3.5 fil-mija. Dak il-livell ta’ tkabbir jista’ jibqa’ jintlaħaq jekk in-negozji jibqgħu jinvestu u l-konsum jibqa’ bejn wieħed u ieħor fil-livell preżenti.

Kull investiment li jsir iwassal biex l-ekonomija tiġġedded u dan hu rilevanti ħafna fid-diskussjoni li għaddejja bħalissa dwar tiġdid tal-mudell ta’ tkabbir ekonomiku. Dan mhux xejn ġdid. Fl-imgħoddi għaddejna minn tiġdid u żgur li l-ekonomija se tkompli tiġġedded bħalma ġara fil-passat.

Ekonomija

Sport